Il-kumplessità tar-raġuni tal-bniedem hija meravilja meta tqis li s-sens ta’ ironija u sarkażmu jinftiehem propju għall-kuntrarju li jkun ingħad.
Fid-dinja politika demokratika, id-distinzjoni bejn bniedem politiku serju fis-sens wiesa’ tal-kelma ‘politika’, u ieħor, hija d-dixxiplina li żżommu jirraġuna fil-limiti ristretti tad-demokrazija u għaldaqstant jasal jiddistingwi bejn dak li huwa ironiku u sarkastiku minn dak litterali. Nasal biex ngħid ‘limiti ristretti’ minħabba li d-demokrazija hija sistema politika li tappartjeni għall-involviment ta’ poplu, li huwa intitolat ikun il-protagonist fit-tifsil tal-politika li tmexxih, minkejja l-partiġġjaniżmu politiku li jista’ jdakkar dan l-involviment dirett jew indirett. Il-parteċipazzjoni tagħna lkoll kienet imwiegħda mill-Partit Laburista qabel tela’ fil-Gvern u għalhekk, il-qagħda politika preżenti li fiha mhux biss mhux ikun imsejjaħ biex jagħti sehmu imma li jsir kollox minn warajh hija kontradizzjoni assoluta.
Li tmur lil hinn minn dak li huwa n-norma, fil-kreattività u saħansitra anke fil-politika jista’ jitqies bħala thinking outside the box, għaliex dak li mhux normali, huwa innovattiv. L-innovazzjoni kellha tkun għaldaqstant, id-distinzjoni bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista wara r-rebħa elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali. Innovazzjoni għaliex il-PL immexxi minn mexxej – li qiegħed iħossu akbar mill-Partit innifsu – ried stil ġdid ta’ politika, stil li llum qiegħed jimmatura f’paradoss ta’ governanza tajba.
Il-governanza tajba, jekk darba kienet tfisser thinking outside the box għal Joseph Muscat, illum nistgħu ninnutaw li tinsab f’kompromess ma’ dak li huwa fundamentali għal demokrazija li tagħmel parti mill-Unjoni Ewropea. Minkejja li kemm il-waħda, u kemm l-oħra, jiġifieri l-governanza tajba u l-estensjoni tal-ħsieb jistgħu jalternaw flimkien b’suċċess, jidher li sfortunatament għal pajjiżna l-governanza tajba skont kif ipprattikata mill-Gvern hija biss paradossali li xxaqleb lejn gidba mxaħħma minn qerq u korruzzjoni sfaċċjata.
Governanza tajba, tirrikjedi qabel xejn, li Gvern ikun kontabbli, jiġifieri jispjega d-deċiżjonijiet li jkun ħa u jwieġeb għall-konsegwenzi li jistgħu jwasslu d-deċiżjonijiet li mhux neċċessarjament u bilfors iridu jkunu l-aktar popolari jew l-aħjar. Wieħed jirrikonoxxi li Gvern jista’ ma jagħmilx l-aħjar għażliet, imma l-kontabbilità titlob spjegazzjoni, dikjarazzjoni tal-fatti u l-fatturi li jkunu wasslu għal-liema deċiżjoni. Aktar minn hekk, it-tali governanza għandha tippreżenta l-opportunità għal djalogu u l-verifikazzjoni tad-dokumentazzjoni.
Ridt appuntu nasal għal dak li ninsabu għaddejjin minnu f’pajjiżna llum il-ġurnata. Il-kompromess finanzjarju ta’ €2,500 minn but kull familja sabiex il-Prim Ministru ma jerfax ir-responsabbiltà u jwaqqa’ l-pjan ta’ power station ġdida investita mill-barrani, huwa, kif qed issejjaħlu l-Oppożizzjoni, riskju kolossali. Huwa riskju kolossali għaliex it-theddida indiretta li kull familja trid iġġorr fuq spallitha għal snin twal ma kienet qatt imsemmija fid-dibattiti jaħarqu dwar il-power station qabel l-elezzjoni, u għalhekk, il-poplu Malti kien ingannat! Id-deċiżjoni tal-Gvern li wasslet biex jagħti garanzija bankarja ta’ €360 miljun biex proġett ta’ bixra kapitalistam, għaliex il-konsorzju privat qiegħed jinvesti biex ikollu qliegħ bla sogru ta’ xejn, hija l-paradoss ewlieni ta’ governanza serja u innovativa jekk xejn.
Huwa fid-dmir tal-Gvern li jieħu l-aħjar deċiżjonijiet biex irendu fit-tul. Jidher iżda, li l-kalkoli tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat ma jibżax jieħu deċiżjonijiet kontroversjali a skapitu ta’ poplu li kien imwiegħed investiment qawwi mill-privat li kellu jirriżulta fi tnaqqis sostanzjali fit-tariffi tad-dawl. Kif il-Gvern raħħas il-kontijiet bla power station huwa misteru li ma jagħmilx tajjeb għal ġieħ it-trasparenza. Is-sintomu ta’ nuqqas ta’ trasparenza qiegħed jinkwieta mhux biss lill-poplu Malti jew lill-Oppożizzjoni imma anke lill-Unjoni Ewropea li qed titlob l-ispjegazzjonijiet. Dan huwa inkwetanti għaliex huwa sinjal ċar li mhix sodisfatta bil-mod ta’ kif qed jinħma baxx baxx dan l-istil politiku hekk imsejjaħ uniku u progressiv u taparsi ottimist.
L-investiment fit-tul fil-poplu Malti minn dal-Gvern huwa insult lejn min jista’ jagħraf il-paradoss fid-deċiżjoni li Malta jkollha interconnector (biex tixtri l-elettriku irħass minn dak li huwa stmat li se jkun iġġenerat bil-power station il-ġdida) imma jkollha wkoll power station privata b’investiment minn butna lkoll.
Deċiżjoni li jekk iddur dawra tond magħha ma tibqa’ tara l-ebda benefiċċju għall-poplu Malti imma biss paradoss ta’ wegħda li falliet 6 xhur ilu u li issa l-banek iddikjaraw li mhix vijabbli għal diversi raġunijiet ovvji, liema raġunijiet kienu nnotati mill-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni.
Dan l-artiklu deher fil-gazzetta Il-Mument tal-Ħadd, 6 ta’ Awwissu 2015.
Justin Schembri hu Kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali tal-2018 fuq it-8 Distrett.
//= $special ?>