Internazzjonali

Rikors fil-qorti dwar tarbija ‘żbaljata’

Imħallef f’Illinois warrab il-każ ta’ mara li welldet tarbija ta’ karnaġġjon iswed. Dan wara li aċċidentalment ingħatat sperma ta’ raġel iswed minn aġenzija tal-isperma.
Jennifer Cramblett, li hi lesbjana, kienet qed titlob għad-danni lil Midwest Sperm Bank of Downers Grove, f’Illinois, talli l-wild li welldet kien żball klerikali mill-aġenzija minn fejn xtrat l-isperma. Hi fir-rikors tagħha l-qorti qalet li kienet tħobb lit-tifla tagħha, Peyton, li issa għandha tliet snin, imma l-fatt li din hi sewda kien ħoloq ċerti komplikazzjonijiet, b’mod partikulari peress li fiz-zona fejn tgħix, il-maġġoranza assoluta tan-nies huma bojod.
L-aġenzija diġà għamlet aploġija u tat parti mill-ħlas li sar lura lill-koppja. Cramblett kienet talbet sperma ta’ raġel abjab, b’xagħru isfar u għajnejh blu imma jidher li n-numru li tniżżel fuq l-applikazzjoni mill-aġenzija kien żbaljat u minflok intbagħtet sperma ta’ raġel Afro-Amerikan.
L-Imħallef qal li rikors simili kien jgħodd kieku kien hemm xi mard ereditarju li suppost inkixef fit-testijiet li saru qabel. L-Imħallef ta l-parir li jekk trid, Cramblett tiftaħ kawża oħra, din id-darba minħabba negliġenza.