Jum il-Vitorja jibqa’ mnaqqax b’ittri tad-deheb fil-paġni tal-istorja, mhux biss ta’ pajjiżna imma wkoll l-istorja tal-Mediterran.
Gżira hekk żgħira, waħidha fil-qalba tal-Mediterran li bil-qlubija ta’ niesha, il-Maltin u l-Għawdxin biddlet il-kors tal-istorja matul l-Assedju l-Kbir u t-Tieni gwerra Dinjija.
Hu propju b’rispett lejn missirijietna, li ċarċru demmhom biex ipproteġew lil pajjiżna, li ta’ kull sena fi Pjazza l-Assedju l-Kbir, quddiem il-bini tal-Qorti, jitpoġġew il-kuruni tal-fjuri mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.
It-Tlieta kien imiss lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, li akkumpanjata mir-raġel tagħha sellmu dan l-avveniment improtanti għal pajjiżna quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir.
Wara t-tqegħid tal-kuruna, il-President sellmet lill-membri tal-Kumitat Festi Nazzjonali qabel daret lejn dawk preżenti, Maltin u turisti, u qattgħet ftit ħin titkellem magħhom.
Imma x’inhi l-imporanza ta’ dan il-jum għal pajjiżna?
Fl-istorja t-8 ta’ Settembru jibqa’ mfakkar għal żewġ avvenimenti mportanti – l-Assedju l-Kbir tal-1565, fejn wara iktar minn tliet xhur assedju, l-Ottomani li kienu qed jassedjaw lill-Birgu u lill-Isla, irtiraw u telqu minn dik ix-xaqliba tal-gżira.
Anki jekk il-battalji ma kinux spiċċaw, għax kien għad fadal battalja lejn San Pawl il-Baħar, jista’ jingħad li dan kien l-aħħar jum tal-Assedju l-Kbir.
Fis-7 ta’ Settembru 1565, kien wasal il-Gran Soccorso, jew aħjar l-għajnuna minn Sqallija għal Malta, li kienet daqqa ta’ ħarta ghat-Torok.
Malta wkoll għaddiet minn assedju ieħor fit-Tieni Gwerra Dinjija. F’dan il-jum ukoll, fl-1943, l-Italja kienet ċediet u spiċċat biex daret kontra l-Ġermanja Nażista, li qabel kienet alleata tagħha.
Dan wassal effettivament għat-tmiem tal-gwerra għall-Maltin.
//= $special ?>