Il-Viċi-Kanċillier tal-Ġermanja, Sigmar Gabriel, qal li pajjiżu jista’ jlaħħaq ma’ talanqas nofs-miljun refuġjat li qed ifittxu kenn politiku fis-sena. Fil-fatt, hu insista li l-Ġermanja tista’ żżomm l-impenn uman fuq dan il-livell għal diversi snin.
Uffiċjali fil-Ġermanja qed jistennew aktar minn 800,000 refuġjat għal din is-sena biss, b’dan in-numru jkun erba’ darbiet akbar miċ-ċifra tar-refuġjati rreġistrata għall-2014.
Min-naħa tiegħu, Sigmar Gabriel tenna li pajjiżi Ewropej oħrajn xorta jridu jaqsmu b’mod xieraq il-piż tal-immigranti li qegħdin jaslu kuljum fl-Ewropa.
Intant, il-UNHCR, li hi l-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti, qalet li fil-Maċedonja, nhar it-Tnejn, laħqu waslu rekord ta’ 7,000 refuġjat mis-Sirja. Dan meta fil-preżent hemm anki madwar 30,000 immigrant fil-gżejjer Griegi.
L-influss tal-immigranti fl-Ewropa li m’hu qed jaqta’ xejn qed jinkwieta lill-Gvernijiet tal-Ewropa, bir-reazzjonijiet għall-kriżi ma jonqsux.
Filwaqt li t-Tmexxija Konservattiva fl-Ungerija bdiet tibni ħajt mal-fruntiera bl-iskop li l-immigranti jinżammu barra, l-awtoritajiet fil-Ġermanja, għall-kuntrarju, qed iħossuhom kburin li folol kbar ta’ Ġermaniżi ħarġu biex jilqgħu lill-immigranti li daħlu f’pajjiżhom fl-aħħar jiem.
Fi żviluppi oħra, uffiċjali fil-Greċja qalu li l-gżira ta’ Lesbos, qrib il-kosta tat-Turkija, waslet f’xifer ta’ ‘splużjoni’ minħabba li l-immigranti fl-inħawi żdiedu għal 20,000.
Min-naħa tagħha, il-UNHCR enfasizzat l-iskala enormi tal-kwistjoni tal-immigranti, fost statistika ġdida li tissuġġerixxi li mal-400,000 immigrant ‘għandhom jaslu fl-Ewropa, bil-baħar, din is-sena’.
Il-maġġoranza tal-immigranti huma Sirjani u n-NU qed tgħid li ħafna minn dawn in-nies qegħdin jippruvaw għal ħajja aħjar fl-Ewropa minħabba l-kundizzjonijiet fqar li jeżistu fil-kampijiet għar-refuġjati tal-Ġordan u l-Libanu. In-nuqqasijiet fil-kampijiet huma dovuti għall-programmi tal-għajnuna unilaterali li waqgħu lura ħafna mill-iskop oriġinali.
Il-Kap tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, għada mistenni jintroduċi proposti għad-distribuzzjoni ta’ xi 160,000 refuġjat fost l-Istati-membri tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jsir fuq bażi obbligatorja, bin-NU issostni li l-programm hu ‘l-uniku soluzzjoni għall-kriżi’.
//= $special ?>