Il-Papa Franġisku, illum, ħareġ żewġ ittri Apostoliċi li bihom introduċa riformi għall-istrutturi legali tal-Knisja li jitrattaw kwistjonijiet konnessi mal-annullament taż-żwieġ.
Ir-riformi radikali jippermettu aċċess għall-proċeduri mingħajr ħlas, waqt li, ‘il quddiem, mistenni li d-deċiżjonijiet jittieħdu mill-aktar fis, fuq bażi ta’ ‘fast track’.
Intant, għandhom jitneħħew l-appelli awtomatiċi, bil-Kattoliċi li jridu jisseparaw iridu, l-ewwel, jaslu għall-annullament taż-żwieġ b’li juru li ż-żwieġ partikolari kien mibni fuq premess qarrieqi jew żbaljat sa mill-bidunett.
Il-proċeduri għall-annullament, qabel, kienu jinvolvu ħafna flus u burokrazija.
Intant, waħda mill-ittri Apostoliċi li introduċa l-Papa, magħrufa bit-titlu Latin ‘Mitis ludex Dominus Iesus’ tirriforma l-Kodiċi tal-Liġi Kanonika li tamministra l-Knisja Kattolika ; bl-ittra l-oħra — ‘Mitis et misericors Iesus’ – tirriforma l-Kodiċi tal-Liġi Kanonika għall-Knejjes Orjentali.
Skont ir-rimarki annessi maż-żewġ ittri, ir-riformi huma riżultat tal-ħidma minn grupp ta’ esperti li nħatar biex jistudja s-sitwazzjoni attwali tal-liġi u l-prattika fi ħdan il-Knisja fir-rigward ta’ dak kollu li jikkonċerna l-liġi taż-żwieġ.
Il-Kattoliċi li kienu qed ifittxu annullament taż-żwieġ, qabel, kienu jeħtieġu l-approvazzjoni minn żewġ tribunali tal-Knisja. Intant, ir-riformi jesiġu li, ‘il quddiem, għandu jkun hemm biss tribunal wieħed, bl-appelli se jibqgħu permessi xorta waħda.
Il-proċedura ġdida hekk-imsejħa ‘fast track’ għandha tippermetti biex l-Isqfijiet jagħtu l-annullamenti taż-żwieġ direttament, f’każ li jridu hekk iż-żewġ membri tal-koppja miżżewġa.
Minħabba li l-proċeduri għall-annullament huma kkumplikati, il-koppji, is-soltu, jkunu jeħtieġu l-esperti biex imexxuhom u dan, f’ħafna każi, jiswielhom ħafna flus.
Mingħajr annullament, il-Kattoliċi li jiddivorzjaw u jerġgħu jiżżewġu huma kkunsidrati li qed iwettqu l-adulterju u għaldaqstant ma jkunux permessi s-sagrament tat-tqarbin.
Intant, il-Papa Franġisku, is-sena l-oħra, waqqaf kummissjoni magħmulha minn avukati tal-knisja u esperti klerikali biex jaraw kif l-aħjar jaġġornaw il-proċedura għall-annullament taż-żwieġ.
Meta kiteb dwar dawn il-bidliet, il-Papa sostna li mhux sewwa li koppja miżżewġa li trid tissepara ‘iddum iz-zmien ippersegwitata bid-dubju’ dwar jekk iż-żwieġ tagħha jistax ikun annullat.
//= $special ?>