Lokali

In-niċċa tal-1565 li qed tokrob għar-restawr

Int u tiela’ lejn ir-Rabat, mit-Telgħa tas-Saqqajja, wieħed isib teżor li sfortunatament hu qrib li jintilef, moħbi qalb il-pal tal-bajtar u l-ħaxix salvaġġ.

Din hi n-niċċa magħrufa bħala tal-Vitorja, li turi l-Madonna b’Ġesu’ fuq dirajha, u li sfortunatament hi moħbija u minsija mill-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni, u li jekk mhux se jsirilha itnervent urġenti ta’ restawr tista’ tintilef għal dejjem.

Skont riċerka li kien għamel Edward Romeo Leopardi, jirriżulta li din in-niċċa, skont it-tradizzjoni hi marbuta mal-Assedju l-Kbir, tant li d-data li kien hemm miktuba fuq l-irħama tagħha turi l-1565 miktuba bi stil Għarbi tas-seklu sittax. Wieħed isib ukoll il-kitba bil-Latin: ‘S’hawn waslu t-Torok’.

Fl-1565 I-Imdina kienet taħt il-kmand ta’ Don Ascanio della Corna u minn fuq is-sur seta’ jara il-kolonni tat-Torok resqin lejn l-Imdina.  Hu ried iħallihom jersqu iktar qabel ma jattakkhom meta f’daqqa waħda, kif waslu fil-post magħruf bħala ‘Tad-Dwierer’, dawn daru fuq il-lemin u bdew miexjin lura lejn San Pawl il-Baħar fejn kellhom ix-xwieni.

Don Ascanio u s-suldati tal-Imdina ħarġu għalihom u saret taqtiegħa ħdejn it-Torri Falca, limiti tal-Mosta, fejn ir-riġment tal-Imdina ħarġu rebbieħa – rebħa li kienu jemmnu li ġiet bl-interċessjoni tal-Madonna.

Kien għalhekk li twaqqfet in-niċċa tal-Madonna fit-triq tal-Imdina, fl-istess post fejn it-Torok bdew iduru lura. Din saret magħrufa bħala l-Ħotba Nemmelija għaliex kienu jemmnu li meta t-Torok resqu f’dak il-post, numru kbir ta’ qtajja ta’ nemel ħarġu għalihom u tant qarsuhom li ma setgħux javvanzaw iżjed. Il-bdiewa ta’ madwar kienu jemmnu li dan ġara bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija.
Ta’ kull sena din in-niċċa kienet tintrama wkoll bil-bnadar u l-fjakkoli li kienu jinxtegħlu propju fit-8 ta’ Settembru. Dan wara li Serafin Busuttil, ħaddiem tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet li kien jieħu ħsiebha għal 32 sena, kien jiġbor sold fil-ġimgħa biex ikun jista’ jieħu ħsiebha.

Din is-sena din in-niċċa tagħlaq 450 sena. Tassew teżor ta’ pajjiżna. Madankollu din qed titmermer, moħbija qalb il-ħaxix u sfortunatament attentati biex jinstab ta’ min hi l-propjeta’ s’issa rriżultaw fin-negattiv.

Sfortunatament minn din in-niċċa diġa’ ntilfet l-irħama li kien hemm miktub fuqha skrizzjoni u d-data. Jista’ jkun li din tgħattiet bit-tikħil u ż-żebgħa li saru matul is-snin.

Barra minn hekk diġa’ hemm konservaturi u restawraturi interessati li jagħmlu dan ix-xogħol imma madankollu għandhom bżonn għajnuna finanzjarja kbira beix ikunu jistgħu jirrestawrar dan il-ptrimonju nazzjonali.

Inhawi tan-nicca

Ritratt ewlieni: Richard Galea