Lokali

“Malta tinsab fix-xifer ta’ tentattiv biex jiġi legalizzat l-abort” – Gift of Life

L-Organizzazzjoni Gift of Life esprimiet l-allarm u d-diżappunt tagħha għall-proposti li qed isiru dwar l-iffriżar tal-embrijuni.

Fi stqarrija, Gift of Life ma qagħdetx tomgħod il-kliem u qalet li din il-proposta turi li Malta tinsab qrib li jsir tentattiv sabiex jigi legalizzat l-abort.

Gift of Life qalet li l-implikazzjonijiet ta’ iffriżar tal-embrijuni tmur ferm lil hinn minn tentattivi ġenwini biex itejjbu l-possibiltajiet ta’ koppji li ma jistax ikollhom tfal u staqsiet lill-Prim Ministru – li kemm-il darba stqarr li hu favur il-hajja — jekk ikkunsidrax l-impatt ta’ dak li qed jipproponi.

Meta l-embrijun jiġi meqjus bħala commodity, jitnaqqas b’mod qawwi ir-rispett u l-valur tal-ħajja umana sa mill-konċepiment. Gift of Life qed takkuża lil Joseph Muscat li qed iħaffef il-konsegwenza naturali ta’ dan, li ma hi xejn ħlief il-legalizzazzjoni tal-abort.

Gift of Life staqsiet x’se jiġri mill-embrijuni żejda li l-ġenituri tagħhom ma jkunux iridu jkomplu bil-proċess. L-iffriżar tal-embrijuni se jwassal għal dilemma etika u morali f’Malta li għaddew minnha diversi pajjiżi oħra, jiġifieri ħażna ta’ embrijuni żejda iffriżati.

Kumplikazzjoni oħra, kompliet il-Gift of Life, hi li ħafna ġenituri bioloġiċi ma jkunux iridu li l-embrijuni ffriżati tagħhom jingħataw għall-adozzjoni, bil-maġġoranza tal-każi jiddeċiedu li jħalluhom iffriżati, jingħataw għar-riċerka xjentifika jew jinqerdu.

Gift of Life fakkret lill-Prim Ministru li l-movimenti favur l-abort jippromwovu l-istess mentalita’ utilitarja f’kultura li l-valur tal-ħajja umana jeżisti biss jekk l-omm tkun tridha. Hi staqsiet għaliex Muscat qed imexxi din il-kultura meta kemm-il darba stqarr li kemm hu, kif ukoll il-Partit li qed imexxi, huma favur il-ħajja? Gift of Life tiddeplora dik li l-Prim Ministru sejjaħ bħala opinjoni personali li m’hi xejn ħlief mossa biex jinfluwenza l-opinjoni u jitfa’ pressjoni fuq il-kumitat inter-Ministerjali li qed jevalwa l-emendi għall-liġi dwar il-protezzjoni tal-Embrijun.

Gift of Life tgħid ukoll li Muscat qed jipprova jiżvijja lill-pubbliku meta jgħid li l-iffriżar tal-embrijuni iżid iċ-ċansijiet ta’ suċċess fi trattamenti tal-IVF. Dan meta statistika tal-Gvern stess turi li t-trattament tal-IVF f’Malta, li juża bajd iffriżat minflok embrijuni ffriżati, għandu l-istess rata ta’ suċċess jekk ġieli mhux aħjar, minn trattamenti oħra fl-Ewropa li fihom jintużaw embrijuni friżati.

Gift of Life tinnota b’dieqa li Malta tinsab f’xifer tentattiv biex jiġi legalizzat l-abort u tappella liċ-ċittadini kollha Maltin, b’mod partikolari politiċi favur il-ħajja li jqumu u jkunu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja fid-difiża tal-ħajja.