Lokali

Mara fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku

Mara ta’ 77 sena minn Marsaskala tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żabbar.

L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 3.45p.m. fi Triq Villa Abate meta għal xi raġuni, raġel ta’ 77 sena residenti l-Għarb Għawdex tilef il-kontroll tal-vettura tat-tip Toyota Aygo u baqa’ dieħel f’ħajt. Il-vittma kienet passiġġiera fil-vettura.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard il-mara ġiet ċertifikata li tinsab f’qagħda kritika. Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli li ħatriet numru ta’ esperti biex jassistuha fl-inkjesta. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħaż-Żabbar għadhom għaddejjin.