Adolexxenti Musulman li spiċċa arrestat fl-Istati Uniti wara li mar l-iskola b’arloġġ tal-allarm li ħasbuh ‘bomba’ għandu jżur il-White House biex jiltaqa’ mal-President Amerikan fuq l-istedina personali ta’ Barack Obama.
Ahmed Mohamed, li għandu 14 il-sena, irċieva ħafna messaġġi ta’ simpatija u appoġġ minn madwar id-dinja wara li deher ritratt tiegħu, b’idejh immanettjati, waqt li l-pulizija kienet qed tmexxih ‘il barra minn MacArthur High School, f’Irving, f’Texas.
It-ritratt mar ‘viral’ fuq l-Internet u fost id-diversi messaġġi li rċieva Mohamed kien hemm wieħed mingħand Clinton li qallu speċifikament ‘biex jieħu l-arloġġ miegħu fil-White House’.
Meta tkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet, Ahmed irringrazzja lil Obama, lill-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan Hillary Clinton u lil Mark Zuckerberg, il-fundatur ta’ Facebook, għall-messaġġi tal-appoġġ li huma bagħtulu. Fl-istess ħin, it-tifel qal li japprezza li huma kkundannaw l-esperjenza kerha li hu kellu jgħaddi minnu.
Ahmed Mohamed kien arrestat nhar it-Tnejn wara li uża xi circuit boards antiki u wires biex jibni arloġġ diġitali bħala proġett tax-xjenza. Hu kien mar bl-arloġġ l-iskola biex jurih lill-għalliem tal-inġinerija iżda spiċċa fl-inkwiet meta l-arloġġ beda jitrasmetti l-ħsejjes (‘beeps’) waqt il-lezzjonijiet tal-Ingliż – bl-għalliem inkwistjoni jaħseb li xi ħadd kien daħħal bomba miegħu fil-kassi.
Intant, il-prinċipal tal-iskola qabad u sejjaħ lill-pulizija, bir-riżultat li l-adolexxenti spiċċa manettjat u miżmum f’detenzjoni. Madankollu, u waqt li għall-bidu kien irrappurtat li Ahmed seta’ spiċċa akkużat dwar’attentat biex ibeżża lin-nies b’ċajta’, kien deċiż, maż-żmien, li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontra tiegħu.
//= $special ?>