Lokali

Tliet snin ħabs wara li ammetta li kellu x’jaqsam ma’ tfajla ta’ 15-il sena

Żagħżugħ ta’ 20 sena kien ikkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li kellu x’jaqsam ma’ tfajla ta’ inqas minn 15-il sena u li kellu fil-pussess tiegħu ritratti indiċenti tagħha.

Iż-Żagħżugħ, Neil Cutajar minn San Ġwann irrifjuta l-avukat tal-għajnuna legali għaliex qal li m’hemmx skop għal avukat ladarba qed jammetti l-akkużi miġjuba kontrih.

Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, l-Ispettur Matthew Spagnol qal li l-pulizija rċeviet rapport ta’ kommossjoni fil-Belt Valletta fejn sabet grupp ta’ żagħżagħ, bil-vittma ssostni li kienet stuprata mill-akkużat.

Min-naħa tiegħu, Cutajar qal li r-relazzjoni tagħhom kienet bil-kunsens taż-żewġ naħat u li saħansitra għandhom il-barka ta’ omm it-tfajla li tħallihom jgħixu flimkien.

L-akkużat irrifjuta l-possibilta’ li jgħaddi ġuri u talab lill-Maġistrat biex tgħaddi ghas-sentenza dak il-ħin.