L-eks-First Lady tal-Istati Uniti, Hillary Clinton, talbet skuża talli użat kont tal-email personali għall-impenji uffiċjali fi żmienha bħala Segretarju tal-Istat Amerikan, bejn l-2009 u l-2013. F’dan il-każ, Clinton bagħtet messaġġ fuq Facebook u qalet li jiddispjaċiha, waqt li ammettet li kienet għamlet żball.
Il-każ tal-email privat iġġenera kritika kbira għal Clinton li qed tikkontesta għan-nomina tal-Partit Demokratiku biex is-sena d-dieħla tisfida f’isem il-partit għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Il-kritiċi jgħidu li s-sistema tal-emails li użat Clinton ma kellhiex garanziji ta’ sigurtà u li dan hu kuntrarju għall-politika tal-Gvern.
Hillary Clinton anki lbieraħ kienet talbet apoloġija waqt intervista u assumiet ir-responsabbiltà għan-nuqqas. Sadanittant, hi qed tkompli tiċħad li kisret xi regoli jew liġijiet tal-Gvern u kitbet li qatt ma bagħtet jew irċeviet materjal li, dak iż-żmien, kien immarkat bħala informazzjoni klassifikata.
L-analisti politiċi, fosthom Demokratiċi, qed jgħidu li l-kampanja ta’ Clinton sofriet ċerti riperkussjonijiet minn din il-kontroversja li saret waħda mill-kwistjonijiet ewlenin fit-tellieqa għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
//= $special ?>