Internazzjonali

Għargħar u xita bla preċedent fil-Ġappun

Diversi lokalitajiet lejn il-Grigal tal-Ġappun intlaqtu minn għargħar u valangi tal-art fuq skala kbira, bil-konsegwenza li ’l fuq minn 90,000 persuna kellhom jabbandunaw darhom.

Il-belt ta’ Joso, fit-Tramuntana ta’ Tokjo, intlaqtet minn mewġa ta’ għargħar enormi wara li x-Xmara Kinugawa faqgħet l-art u l-iskwadri għall-emerġenza kellhom jużaw il-ħelikopters biex isalvaw persuni li kellhom jitilgħu fuq il-bjut tad-djar.

Sadanittant, xi nies kienu rappurtati nieqsa fir-reġjun u l-awtoritajiet irrappurtaw numru ta’ midruba.

Fil-preżent, nieżla xita bla preċedent fuq diversi zoni tal-Ġappun wara li kienet qamet maltempata tropikali li ġġenerat irwiefen kbar fid-distrett ta’ Aichi, fiċ-ċentru tal-pajjiż.

Kelliema għall-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ġappun qalu li din żgur mhix sitwazzjoni normali, bl-awtoritajiet iwissu lin-nies dwar il-periklu serju u imminenti.

Iz-zoni li ntlaqtu l-aktar mill-għargħar u l-valangi huma r-reġjuni ta’ Ibaraki u Tochigi. L-awtoritajiet Ġappuniżi poġġew dawn iz-zoni fuq l-ogħla stat ta’ allert.