Lokali

Ħarsa lejn il-ġurnali tal-lum

IN-NAZZJON jirrapporta dwar id-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker li kien dominat bil-kriżi tal-migrazzjoni. Juncker jgħid li ma baqax iktar post għar-retorika u l-qsim tal-piż se jkun obbligatorju. Rapport ieħor fl-ewwel paġna hu dwar l-intervista mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil waqt il-programm Iswed fuq L-Abjad dwar diversi temi.

TIMES OF MALTA jirrapporta dwar it-titjira ta’ Ryanair lejn Eindhoven li kellha ddur lura lejn Malta ftit ħin wara t-tluq minħabba li tliet passiġġieri telgħu fuq l-ajruplan żbaljat. Storja oħra fl-ewwel paġna hi dwar numru rekord ta’ permessi ta’ residenza maħruġa matul is-sena li għaddiet, bil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-permessi jinħarġu lil Libjani.

THE MALTA INDEPENDENT ukoll jirrapporta dwar id-diskors ta’ Jean Claude Juncker dwar il-ħtieġa ta’ qsim tal-piż ta’ 160,000 refuġjat fl-Ewropa. Il-ġurnal jirrapporta wkoll dwar talba mill-Ewroparlamentari David Casa sabiex l-UE tinvestiga l-proċess tal-għaġġla fil-proċess tal-għażla u x-xiri tal-power station. Fl-ewwel paġna hemm ukoll ritratt uffiċjali tar-Reġina Eliżabetta II tar-Renju Unit li lbieraħ qabżet lir-Reġina Vittorja bħala l-itwal renju f’dan il-pajjiż.

L-ORIZZONT jirrapporta li s-serq mid-djar f’Tas-Sliema naqas. Rapporti oħra fl-ewwel paġna huma dwar id-diskors ta’ Jean Claude Juncker, it-tilwima industrijali bejn il-GWU u Malta Public Transport u Malta bit-tieni l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-UE.

THE MALTA BUSINESS WEEKLY jirrapporta dwar Malta bit-tieni l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-UE fit-tieni kwart ta’ din is-sena. Rapport ieħor hu dwar pjan biex ikun hemm stuttura waħda biex tindirizza l-problema ta’ dawk li ilhom jirreġistraw għax-xogħol