Tliet għaqdiet ambjentali, ir-Ramblers’ Association, Flimkien għal Ambjent Aħjar u Friends of the Earth jisħqu li t-tibdli propost fil-MEPA huwa “struttura li tikkonċentra l-poter f’idejn ftit nies u li ssaħħaħ is-setgħat ministerjali”. Jidher, saħqu l-NGOs, li l-għan ewlieni ta’ dawn il-manuvri huwa biex tissaħħaħ il-libertà li għadu l-Ministru u s-CEO tal-MEPA biex jiffavvorixxi l-interessi ta’ xi wħud. Il-permessi li ingħata Gaffarena f’Ħal Qormi huma xhieda ta’ dan u jqanqlu ħafna suspetti fost il-poplu.
It-tliet għaqdiet ambjentali qalu dan fi stqarrija li fiha saħqu li huma jaqblu mad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju għall-Ambjent David Pace u tal-eks Chairmen tal-MEPA Stephen Farrugia u Christopher Falzon, li l-bidla proposta fil-MEPA hija pass kbir lura fl-ippjanar tal-iżvilupp u fil-protezzjoni tal-ambjent ta’ pajjiżna.
It-tliet għaqdiet ambjentali jemmnu li l-miżuri mħabbra bl-iskuża li jnaqqsu l-burokrazija huma mossa kkalkulata biex jitwarrab kull kontroll li kien jeżisti. Fost dawn il-miżuri, l-għadiet ambjentali jirreferu għaż-żieda fil-kontroll politiku fuq il-ħatriet li jsiru. “Id-deċiżjonijiet reċenti meħuda mill-Awtorità, bħall-art ODZ fiż-Żonqor u l-bini ta’ tliet sulari f’Burmarrad flok sit agrikolu, jixhdu l-istil ta’ tmexxija awtokratika li qed tadotta din l-amministrazzjoni” jgħidu l-għaqdiet ambjentali.
It-tliet għaqdiet ambjentali, ir-Ramblers’ Association, Flimkien għal Ambjent Aħjar u Friends of the Earthjisħqu wkoll li l-konsultazzjoni pubblika kienet biss “waħda kosmetika li saret wara li d-deċiżjonijiet kienu diġà ttieħdu, il-kuntratti sigrieta kienu diġà ffirmati u l-liġijiet kienu diġà għaddew.” L-ikbar xhieda ta’ dan, saħqu l-NGOs ambjentali, hija l-politika reċenti dwar l-ODZ fejn l-ebda waħda mis-suġġerimenti tal-NGOs ma kienet milqugħa.
L-NGOs jissuġġerixxu li għaż-żewġ awtoritajiet fi ħdan il-MEPA, il-membri tal-Bords Eżekuttivi u l-Kap Eżekuttiv għandhom jinħatru mill-Prim Ministru wara analiżi bir-reqqa tal-kredenzjali tagħhom u wara l-approvazzjoni tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli. L-għaqdiet jissuġġerrixxu wkoll li l-Awtorita Ambjentali għandu jkollha r-rwol ewlieni meta wieħed iqis il-ħsara li diġà saret lill-ambjent bl-iżvilupp li sar. Proposta oħra hija li r-Rapport dwar l-Istat Ambjentali għandu jitfassal mill-Ombudsman biex ikun kredibbli.
L-għaqdiet jaqblu mad-dikjarazzjoni tal-eks Chairman tal-MEPA Chris Falzon li “għandu jkun ċar li l-proposti mressqa mhumiex adegwati lanqas għall-iktar repubblika tal-banana li għadha lura fuq din il-pjaneta u għandhom jiġu abbandunati llum qabel għada”.
L-istqarrija ttemm tgħid li t-triq għal progress ġenwin u l-iżvilupp sostenibbli għandha tkun ambjent sigur u protett u mhux it-teħid ta’ iktar art ODZ għall-iżvilupp, kif iriduna nemmnu l-politiċi. L-għaqdiet iħeġġu li għandhom jinstabu iktar soluzzjonijiet qabel ma jidħlu fis-seħħ il-bidliet proposti u għaldaqstant qed jitolbu li ssir round-table conference li tiġbor flimkien lill-imsieħba kollha biex tkun identifikata l-aħjar triq ‘il quddiem.