Il-Viċi-Kanċillier tal-Ġermanja, Sigmar Gabriel, qal li l-pjani tal-Unjoni Ewropea biex taċċetta 160,000 refuġjati ġodda li qed ifittxu l-kenn politiku jirrappreżentaw biss ‘qatra fl-oċean’ fid-dawl tal-kriżi.
Hu ħareġ bil-kummenti wara li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, ħabbar proposti għad-distribuzzjoni ta’ 120,000 refuġjat addizzjonali mill-Greċja, l-Italja u l-Ungerija fost l-Istati Membri tal-UE li jkunu marbutin bil-kwota. Il-pjan għar-refuġjati addizzjonali hu ‘apparti’ l-proposta li ħarġet f’Mejju biex l-Istati jaqsmu biss 40,000 refuġjat mill-Italja u l-Greċja.
Gabriel, intant, fisser il-pjan bħala ‘l-ewwel pass’ u fakkar li mal-450,000 refuġjat waslu (s’issa) fil-Ġermanja din is-sena — b’37,000 minnhom jaslu fil-pajjiż fl-ewwel tmint ijiem ta’ Settembru. Intant, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, żaret residenza għar-refuġjati f’Berlin u awgurat li dawn in-nies jintegraw mill-aktar fis mal-poplu.
Fl-aħħar ġimgħat, għexieren ta’ eluf ta’ refuġjati, fil-maġġoranza tagħhom Sirjani, komplew jivvjaġġaw lejn it-Tramuntana tal-Ewropa, bit-Televiżjoni Serba tirreferi għall-wasla ‘rekord’ ta’ xi 5,000 immigrant mal-fruntiera tal-Ungerija fi spazju ta’ 24 siegħa.
L-Armata tal-Ungerija, sadanittant, bdiet l-eżerċizzji militari biex tħejji għal rwol futur f’impenji għall-ħarsien tal-fruntieri. Is-suldati jistgħu jintużaw għat-trażżin tal-folol tal-immigranti, b’dan il-pass potenzjali jqanqal kritika mill-gruppi favur id-drittijiet umani.
Il-Gvern tal-Awstrija qal li qrib is-6,000 refuġjat qasmu lejn artha mill-Ungerija fis-sigħat riċenti. Dan meta l-operatur tal-ferroviji OeBB issospenda temporanjament is-servizzi mill-Ungerija minħabba li żdiedu l-immigranti u fost il-perikli tal-iffullar.
Mifhum ukoll li l-pulizija fid-Danimarka, issa, qegħdin jippermettu li r-refuġjati jivvjaġġaw ħielsa fil-pajjiż mingħajr ma jirreġistraw, f’każ li huma ma jridux ifittxu kenn politiku fil-pajjiż proprju.
Id-Danimarka, ilbieraħ, kienet sospendiet kull konnessjoni bil-ferrovija mal-Ġermanja u fl-aħħar sigħat għalqet l-aċċess minn triq prinċipali (li wkoll twassal għall-Ġermanja) għal żmien temporanju wara li l-pulizija waqqfet mijiet ta’ immigranti li qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera għall-Iżvezja.
//= $special ?>