Lokali

Issa hu l-mument li naġixxu dwar is-solidarjetà – Simon Busuttil

Hu faċli li nitkellmu dwar is-solidarjetà, iżda issa hu l-mument li naġixxu fid-dawl tal-mewġa ta’ immigrazzjoni u stejjer ta’ tbatija tal-immigranti, b’mod speċjali dawk Sirjani. Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel fid-Dar tal-Providenza.

Akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Graziella Schembri u Albert Buttigieg, Simon Busuttil iltaqa’ mar-residenti, Support Workers u l-Amministrazzjoni tad-Dar, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera b’mod partikolari għall-inizjattiva tas-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina, kif ukoll tal-Kunsillier ta’ Birżebbuġa Herman Schiavone, li ssuġġerew li kull Kunsill Lokali jadotta familja Sirjana. Min-naħa l-oħra, fakkar ukoll fl-appelli li saru fl-aħħar jiem mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker mill-Papa Franġisku biex tinstab soluzzjoni ekwa u effettiva ta’ solidarjetà.

SB Zjara Dar tal-Providenza 2 100915Matul iż-żjara, il-Kap tal-Oppożizzjoni faħħar il-Liġijiet ta’ inklużjoni soċjali għal persuni b’diżabbiltà, li hu qasam li fl-aħħar snin, b’mod speċjali grazzi għall-ħidma tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, ħa spinta ‘l quddiem.

Madankollu, hu kompla mal-kummenti tad-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef, fejn għamilha ċara li għad baqa’ diskriminazzjoni konxja jew inkonxja f’diversi oqsma tas-soċjetà Maltija, inkluż is-settur tax-xogħol u l-impjiegi. Simon Busuttil sab ukoll il-ħin li jara x-xogħol li r-residenti jagħmlu f’numru ta’ oqsma, fosthom fil-Kċina u fl-Agrikoltura, filwaqt li poġġa u tkellem magħhom dwar il-ħidma li jwettqu.

Il-Ħadd li ġej, 27 resident tad-Dar tal-Providenza se jkollhom opportunità unika li jiltaqgħu mal-Papa Franġisku fil-Vatikan. Ir-residenti se jkunu akkumpanjati mill-Arċisqof Mons Charles Scicluna, mill-Arċisqof Emeritus Mons Paul Cremona, mid-Direttur tad-Dar u anke l-Management u numru ta’ Carers tad-Dar.