Lokali

L-industrijalist magħruf Albert Mizzi jmut fl-età ta’ 87 sena

Tħabbret il-mewt tal-industrijalist magħruf Albert Mizzi fl-età ta’ 87 sena. Albert Mizzi jibqa’ mfakkar għall-kontribut siewi li ta lill-ekonomija ta’ pajjiżna kemm f’karigi għolja li serva f’kumpaniji statali, kif ukoll bis-sehem attiv li baqa’ jagħti sal-aħħar ta’ ħajtu fis-settur privat.

Albert Mizzi kien l-ewwel Chairman tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru, Air Malta, li twaqqfet fl-1973. Kumpaniji oħrajn li hu mexxa frott l-esperjenza u d-dedikazzjoni tiegħu kienu l-Grupp HSBC Malta, Middlesea Insurance, Midi plc, Plaza Centres, Mellieħa Bay Hotel, Mizzi Associated Enterprises Limited u Consolidated Buscuits.

Albert Mizzi serva wkoll bħala direttur f’diversi kumpaniji.

Iż-żewġ partiti ewlenin, il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburisa, fi stqarrija sellmu l-memorja ta’ Albert Mizzi.

Il-Partrit Nazzjoanlista sejjaħ lil Albert Mizzi bħala bniedem viżjonarju li ta kontribut kbir biex pajjiżna kiber u żviluppa ekonomikament. Il-ħidma tiegħu, kemm fit-tmexxija tal-kumpanija Alf Mizzi & Sons, kif ukoll fit-tmexxija ta’ diversi ażjendi parastatali, kienet dejjem karatterizzata b’korretezza u assidwità. Albert Mizzi kien jemmen li l-aħjar deċiżjoni rari tkun l-eħfef waħda u qatt ma beża’ jgħid dak li jħoss jew jagħmel dak li hemm bżonn.

Permezz tax-xogħol tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal li Albert Mizzi ta sehem kruċjali fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna fi żmien l-Indipendenza, fl-iżvilupp tal-linja nazzjonali tal-ajru u fil-qasam tal-manifattura fis-sebgħinijiet u fil-liberalizzazjoni tas-swieq kummerċjali u finanzjarji fid-disgħinijiet.

Fil-ġurnata tat-telfa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista filwaqt li ta l-kondoljanzi lill-qraba tiegħu, fakkar li l-kisbiet kbar li għamel Albert Mizzi se jkompli jgawdi minnhom pajjiżna għas-snin li ġejjin.

Il-Partit Laburista qal li Albert Mizzi ħadem bi sħiħ sabiex titwaqqaf il-linja nazzjonali Air Malta fi żmien il-Prim Ministru Mintoff, kumpanija li tagħha serva wkoll bħala l-ewwel Chairman. Fisser lil Albert Mizzi bħala pilastru importanti għall-ekonomija Maltija f’oqsma oħra bħat-turiżmu, il-manifattura u l-qasam tal-propjetà.

Il-Gvern, ukoll permezz ta’ stqarrija, fisser li Malta tilfet wieħed mill-aqwa esponenti tagħha fil-qasam tan-negozju li kkontribwixxa bil-ħiliet imprenditorjali tiegħu favur ix-xogħol f’pajjiżna. Il-Gvern qal li Mizzi se jibqa’ magħruf bħala negozjant b’esperjenza vasta f’oqsma differenti, u li ta ħin, enerġija u servizz imprezzabbli taħt amministrazzjonijiet differenti biex b’kuraġġ u viżjoni jegħleb l-isfidi u jwassal għas-suċċess imprenditorjali.