Nursing Aide ta’ 36 sena miż-Żurrieq tressaq il-Qorti akkużat li fis-27 ta’ Awwissu li għadda għamel rapport falz kontra martu, meta akkużaha li abbużat minn binhom ta’ 14-il sena. Hu kien akkużat ukoll li hedded lil martu permezz ta’ chats fuq Facebook. Hu ċaħad l-akkużi miġjuba kontrieh.
Fil-Qorti ngħad ukoll li iben il-koppja wkoll se jitressaq il-Qorti wara li fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija ġie stabbilit li l-akkużi kontra l-omm kienu kollha vvintati. Meta qieset kollox, il-Qorti ddeċidiet li isem l-akkużat, il-vittma u anke iben il-koppja ma jistgħux jixxandru biex tkun protetta l-identità taż-żagħżugħ.
L-Ispetturi Roderick Spiteri u Chantelle Casha qed jakkużaw lir-raġel li aċċess b’mod illegali l-account ta’ martu fuq Facebook, niżżel informazzjoni mill-account tagħha u użaha biex jhedded lill-mara tiffirma kuntratt tas-separazzjoni kif jaqbel lilu.
Barra minhekk, l-Ispetturi qed jakkużaw lir-raġel li għamel rapport falz mal-Pulizija dwar krimini li qatt ma seħħ, kif ukoll li wettaq reat li ra ma kellux jagħmel meta hu uffiċjal pubbliku. Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, l-Ispetturi ma qablux mat-talba tal-libertà proviżorja minħabba li l-vittma għadha trid tixhed fil-każ.
Min-naħa tagħha, id-Difiża mmexxija mill-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili nsistew li m’hemmx raġuni għalfejn ma tingħtax il-libertà proviżorja. Id-Difiża spjegat li l-koppja sseparat is-sena li għaddiet, biż-żagħżugħ qed jgħix ma’ missieru u ż-żewġt itfal l-oħra qed jgħixu mal-omm. Sostniet li minn dakinhar, qatt ma kien hemm l-ebda komunikazzjoni bejn iż-żewġ naħat.
Il-Maġistrat Camilleri laqa’ t-talba tad-Difiża u ta l-libertà proviżorja lill-akkużat b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Il-Qorti talbet lir-raġel ukoll biex jiffirma darbtejn fl-Għassa tal-Pulizija u li jkun id-dar bejn it-8pm u s-6am. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għall-vittma.
//= $special ?>
