L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) preżentat ir-reazzjoni uffiċjali tagħha għall-bidliet li qed jipproponi l-Gvern fil-pensjonijiet, liema bidliet kienu imfassla mill-Pensions Working Group (PWG).
L-MEA mhix taqbel mal-proposta li titneħħa l-eta’ tal-irtirar mandatorja. L-Assoċjazzjoni temmen li s-sistema preżenti taħdem sew, u għandha tibqa’ l-possibilta’ li jsir ftehim bejn il-ħaddiem u min iħaddem sabiex jinnegozjaw kundizzjonijiet li jestendu l-eta’ tal-irtirar.
Fl-istqarrija tagħha l-MEA espriemiet ukoll tħassib għall-fatt li issa min ikun ħallas ħafna kontribuzzjonijiet soċjali mhux se jkun qed jara differenza fil-pensjoni bejnu u bejn ħaddiem li jkun ħallas ftit kontribuzzjonijiet.
Il-PWG qed jimbotta ‘l quddiem l-idea ta’ aktar pensjonijiet privati, u din skont l-MEA hija xi ħaġa pożittiva.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-MEA temmen li kull sistema li nadottaw trid tkun ibbażata fuq il-ħsieb li l-ekonomija futura tagħna għandha tibqa’ kompetittiva. Dan għaliex minbarra l-aspett soċjali tal-pensjonijiet, wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll id-domanda kbira għal servizzi varji li jkunu jeħtieġu dawn l-istess pensjonanti – u għalhekk l-importanza li jissaħħaħ il-ġid fil-pajjiż biex dawn is-servizzi jibqgħu jingħataw.
Kull strateġija għandha tħares lil hinn mill-bżonnijiet immedjati u tfittex sinerġiji u soluzzjonijiet aktar fit-tul, ittemm tgħid l-istqarrija tal-MEA.
//= $special ?>