Ġurnata impenjattiva mill-life guards tal-Malta Red Cross li fl-aħħar sigħat salvaw ħames persuni mill-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa, inkluż tifel ta’ erba’ snin. Dan wara li dawn sfidaw il-qilla tal-baħar u saħansitra njuraw ż-żewġ bnadar ħomor, li jindikaw li l-bajja hi perikoluża minħabba l-mewġ.
L-ewwel każ seħħ għall-ħabta tal-11:00 meta lif guard li kien qed jipprepara biex jibda l-ħidma tiegħu nnota żewġ tfajliet Taljani f’diffikultà. Jidher li dawn kienu qed jikkumbattu mal-mewġ, meta f’daqqa waħda dehru jinħakmu mill-mewġ.
Immedjatament hu qabeż għat-tfajliet li ttellgħu mill-ilma u ttieħdu għall-kura permezz ta’ ambulanza (ritratt).
Iktar tard, dejjem fl-istess bajja, kien hemm bżonn ta’ operazzjoni oħra ta’ salvataġġ, fejn ittellgħu tliet persuni, fosthom tifel ta’ erba’ snin.
Minbarra l-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa, żewġ bnadar ħomor qed jittajru wkoll f’Golden Bay u Perched Beach, Buġibba.
F’appell fuq il-paġna ta’ Facebook Malta Red Cross – Operations, uffiċjali tal-Malta Red Cross appellaw għall-kooperazzjoni tal-pubbliku biex jiġu osservati l-istruzzjonijiet. Minn naħa tagħhom il-life guards qed iduru max-xtajtiet ta’ dawn il-bajjiet biex jitkellmu mal-għawwiema u jwissuhom biex ma jirriskjawx.