Lokali

Sejħa biex jitħares id-dritt tal-ħajja tat-tarbija mhux imwielda – MUCM

Il-Moviment Malti favur it-tarbija mhux imwielda (MUCM) iżid il-vuċi tiegħu man-numru dejjem jikber ta’ għaqdiet u organizzazzjonijiet volontarji li qed jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-proposti għall-bidliet dwar il-liġi tal-protezzjoni tal-embrijun.

Fi stqarrija, MUCM qal li l-bidliet proposti se jnaqqru mill-protezzjoni li jgawdi bħalissa l-embrijun. Il-Moviment ilu jaħdem bla waqfien biex iqajjem kuxjenza favur il-ħajja, li tibda mill-konċepiment. L-Embrijun għandu informazzjoni ġenetika daqs bniedem sħiħ u għaldaqstant diġa’ huwa individwu uniku li jixraqlu kull protezzjoni u rispett. Dan ma jinkludix manipolazzjoni jew iffriżar.

MUCM kien appoġġja bis-sħiħ l-introduzzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijun fl-2012 għaliex kienet tipprovdi teknoloġija medika biex tassisti koppji li ma jistax ikollhom tfal u fl-istess waqt kienet tħares id-drittijiet tal-ulied sa mill-ewwel stadji tagħhom bħala embrijuni.

Li tipprovdi teknoloġiji riproduttivi ma jfissirx li wieħed għandu jipperikola d-dritt tal-ħajja tal-embrijuni. MUCM jingħaqad ma’ gruppi oħra favur il-ħajja fit-tħassib dwar dawn l-emendi proposti u sejjaħ lill-politiċi u l-pubbliku ġenerali biex iħarsu l-valur tal-ħajja mill-konċepiment.