Lokali

Filmat: Talba għal inkjesta pubblika dwar l-iskandlu tal-ħruġ tal-permessi ta’ residenza

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab għal inkjesta pubblika biex isir magħruf kif l-eks teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut għen lil numru ta’ persuni Libjani biex jiksbu permess ta’ residenza f’Malta billi joħolqu kumpaniji foloz.

F’kummenti lill-ġurnalisti fi tmiem laqgħa tal-Kumitat tas-sigurta’ li saret f’Kastilja fuq talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni stess u damet madwar sagħtejn u nofs. Simon Busuttil tenna’ mill-ġdid it-tħassib tiegħu għal dan l-iskandlu li fih kien involut Joe Sammut.

Ftit tal-mumenti wara ħareġ il-Prim Ministru Joseph Muscat li f’kumment qasir lill-ġurnalisti qal li l-każ inqabad grazzi għall-ħidma ta’ Identity Malta u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ u l-ħidma għadha għaddejja. Muscat kompla li ħa nota tas-sejħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex issir inkjesta pubblika.

Madankollu, hu ma ta l-ebda żmien ta’ meta tista’ ssir l-inkjesta iżda qal biss li m’għandu l-ebda problema biex issir inkjesta “ladarba l-proċessi li għaddejjin bħalissa jkunu magħluqa”.