Internazzjonali

Tiżdied l-inflazzjoni fiċ-Ċina wara splużjoni fil-prezz tal-ikel

L-inflazzjoni fiċ-Ċina laħqet l-ogħla livell f’sena, u dan kien dovut għall-qabża ġmielha ’l fuq fil-prezzijiet tal-ikel fit-tieni l-akbar ekonomija tad-dinja.

L-indiċi CPI tal-prezzijiet għall-konsumatur, kontra kull mistenni, tela’ għal tnejn fil-mija, f’Awwissu, minn sena ilu. Dan iċ-ċaqliq fl-indiċi, fil-parti l-kbira, jirrifletti prezzijiet tal-ikel ogħla aktar milli spinta ta’ attività ekonomika.

Sadanittant, l-indiċi PPI għall-prezzijiet tal-produtturi waqa’ bi kważi sitta fil-mija għal Awwissu, meta dan hu t-42 xahar konsekuttiv li fih kien irreġistrat tnaqqis.

L-aħħar ċifri qed iqanqlu l-inkwiet fiċ-Ċina fejn il-manifatturi komplew inaqqsu l-prezzijiet, bit-tnaqqis fil-PPI ikun l-akbar miż-żminijiet tal-kriżi finanzjarja globali tal-2009. Ix-xejra negattiva, intant, hi dovuta għat-tnaqqis fil-prezz tal-komoditajiet u fid-domanda ġenerali, filwaqt li l-ekonomisti qed jinkwetaw li t-tnaqqis kontinwu fil-prezzijiet tal-produtturi jista’ jkun rifless ukoll fil-prezzijiet għall-konsumatur.

Sadanittant, il-prezz tal-majjal, li jeffettwa sew il-prezzijiet għall-konsumatur fiċ-Ċina, tela’ minn 16.7 fil-mija, is-sena l-oħra, għal 19.6 fil-mija fix-xahar ta’ Awwissu. Dan waqt li l-prezz tal-ħaxix f’dan il-pajjiż sploda minn 9.7 għal kważi 16 fil-mija.

L-ekonomisti qed jistennew li l-Gvern Ċiniż jippreżenta miżuri politiċi ġodda biex jistimula l-ekonomija.

Il-Prim Ministru taċ-Ċina, Li Keqiang, saħaq mill-ġdid li l-Gvern tiegħu se jkompli jappoġġja lill-ekonomija biex jaċċerta żvilupp fuq bażi stabbli. Keqiang qal dan waqt li kien qed jindirizza l-Forum Ekonomiku Dinji, fil-belt ta’ Dalian.