Uffiċjali ta’ Tim Sport PN, il-fergħa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li għandha l-għan li tippromwovi l-isport, akkumpanjati minn numru ta’ uffiċjali li jirrappreżentaw dixxiplini sportivi differenti, iltaqgħu mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Din il-laqgħa saret ftit jiem qabel jingħata bidu għall-attivitajiet tal-Indipendenza, fejn għal sen’oħra l-attività fiżika u l-isport se jingħataw prominenza.
Filfatt bejn il-11 u l-15 ta’ Settembru, Tim Sport PN se jiftaħ l-attivitajiet sportivi bit-tazza Indipendenza 2015 tal-waterpolo.
Fit-13 imbagħad issir wirja taż-żwiemel fil-Pjazza tas-Siġġiewi b’numru ta’ premjijiet filwaqt li fis-16 tax-xahar isiru l-mixja u l-ġirja tal-Indipendenza li saru sinonimi u simbolu tal-attivitajiet.
Interessanti li din is-sena Tim Sport PN ħaseb biex fi tmiem il-mixja u l-ġirja, isiru numru ta’ attivitajiet ta’ divertiment u sport varju bl-għan li jolqtu l-gosti differenti ta’ dawk kollha li jattendu. Se jkun hemm ukoll lezzjonijiet ta’ fitness kif ukoll xi sorpriżi.
L-attivitajiet ikomplu wkoll b’turnew tal-football fil-grawnds tal-Floriana, bejn is-16 u t-18 ta’ Settembru, it-Tazza tal-Indipendenza tal-handball organizzata mill-Malta Handball Association u li se tinvolvi sitt timijiet tal-irġiel u ħamsa tan-nisa, kif ukoll turnew tas-Subbuteo bejn id-19 u l-20 ta’ Settembru fi Pjazza Teatru Rjal u Tazza tal-Indipendenza tal-Basketball organizzata mill-Malta Basketball Association fil-Padiljun ta’ Ta’ Qali bejn id-19 u l-21 ta’ Settembru.
Tim Sport PN kienet inizjattiva tad-Deputat Robert Cutajar, li issa qed titkompla mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport David Agius.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil faħħar dawn l-inizjattivi u spjega li meta kien student, hu kien parti mill-SDM li kienet torganizza turnew 5 a side li kiber fl-importanza u l-attendenza tiegħu u wassal biex permezz tiegħu l-għaqda kibret u kisbet suċċess.
Qal li, b’dan il-ħsieb f’moħħu, hu jrid ikompli jiftaħ lill-Partit Nazzjonalista għal iktar sezzjonijiet differenti, u l-isport jista’ jkun ċavetta għal dan l-għan.
Minn naħa tiegħu, fl-indirizz tiegħu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, David Agius spjega li Tim Sport PN qed tħares lejn ideat kbar għall-futur fosthom l-organizzazzjoni ta’ konferenza tal-isport, wirja ta’ affarijiet sportivi u awards b’differenza.
//= $special ?>