Internazzjonali

Aktar konsegwenzi tal-għargħar qattiel fil-Ġappun

Qed tkompli l-ħidma ta’ salvataġġ fil-Grigal tal-Ġappun fejn mietu mill-inqas tlieta fl-għargħar li ħakem l-inħawi, filwaqt li ħafna oħrajn għadhom maqbudin f’zoni iżolati.

Sadanittant, numru ta’ persuni għadhom neqsin u hemm ukoll għexieren midruba, uħud minnhom serjament.

L-uffiċjali wissew dwar aktar inżul ta’ xita u valangi tat-tajn potenzjali, hekk kif il-maltemp aħrax qed javvanza lejn it-Tramuntana tal-Ġappun. Ix-xita li niżlet fuq skala bla preċedent hi dovuta għat-Tifun Etau li laqat lill-Ġappun aktar kmieni din il-ġimgħa.

Ir-reġjun effettwat jinvolvi zona ta’ territorju enormi, lejn il-Grigal ta’ Tokjo, li twassal mid-distrett ta’ Ibaraki sad-distrett ta’ Miyagi, xi 350 kilometru ’l bogħod.