EUROPA LEAGUE
Fiorentina se jkunu qed jiltaqgħu kontra Roma fir-round tal-aħħar 16 tal-Europa League waqt li l-holders Sevilla se jilagħbu kontra Villarreal.
Mill-ħames timijiet Taljani li fadal kienu biss Fiorentina u Roma li ma rnexxielhomx jevitaw lil xulxin fil-polza li saret f’Nyon fl-Iżvizzera waqt li ż-żewġ Spanjoli li fadal fil-kompetizzjoni ukoll ma rnexxielhomx jevitaw lil xulxin.
Il-kowċ ta’ Fiorentina Vicenzo Montella għamel 10 snin ma’ Roma matul il-karriera tiegħu bħala plejer u kellu wkoll esperjenza bħala kowċ temporanju fi Stadio Olimpico imma mhux se jkun hemm spazju għas-sentimenti meta t-tim tiegħu se jipprova jelimina mill-Ewropa t-tim mill-Kapitali.
Fiorentina eliminaw lil Roma mill-Coppa Italia aktar kmieni fi Frar u għalhekk it-tim ta’ Rudi Garcia għandu ċans li jpatti għal dan id-diżappunt. Roma għelbu lil Feyenoord f’partita mxekkla minn inċidenti tal-folla.
Sevilla, kienu nkurunati Champions tal-kompetizzjoni meta għelbu lil Benfica l-istaġun li għadda u t-tim ta’ Unai Emery elimina lil Borussia Moenchengladbach biex żamm ħajjin it-tamiet li jerġa’ jirbaħ dan it-trofew.
Villarreal, li eliminaw lil Salzburg fir-round mal-aħar 32 se jilagħbu l-ewwel leg f’darhom.
Konfront ieħor li jispikka hu dak bejn Wolfsburg, li jinsabu t-tieni fil-Bundesliga, u Inter.
It-tim ta’ Roberto Mancini għeleb lil Celtic b’10 plejers 1-0 għal rebħa 3-2 aggregate wara gowl mill-isbaħ ta’ Guarin f’San Siro u issa t-tim mis-Serie A rebaħ erbgħa mill-aħħar ħames partiti.
Rafa Benitez qed jimmira li jirbaħ din it-Tazza għat-tieni darba fi spazju ta’ tliet snin u t-tim tiegħu ta’ Napoli se jkun qed jilgħab kontra Dynamo Moscow.
Besiktas li eliminaw lil Liverpool bil-penalties, se jaraw iċ-ċansijiet li javanzaw favorevoli wara li ttellgħu kontra Club Brugge waqt li Everton, l-uniku tim Ingliż li fadal fil-kompetizzjoni, telgħu kontra Dynamo Kiev tal-Ukrajna bit-tim ta’ Roberto Martinez se jilgħab l-ewwel leg fit-12 ta’ Marzu f’Goodison Park.
Ajax se jmorru għand Dnipro għall-ewwel leg waqt li Torino, l-ħames klabb Taljan li fadal fil-kompetizzjoni, imissu logħba diffiċli kontra Zenit, bl-ewwel leg jintlagħab f’St. Petersburg.
Il-finali din is-sena se tintlagħab fis-27 ta’ Mejju f’Varsavja.
Il-poloz
L-aħħar 16
Everton v D. Kiev
Dnipro v Ajax
Zenit SP v Torino
Wolfsburg v Inter
Villarreal v Sevilla
Napoli v Dinamo Moscow
Club Brugge v Besiktas
Fiorentina v Roma


