Internazzjonali

Il-camerawoman Ungeriża tinsisti li mhix razzista

Il-camerawoman Ungeriża li qajmet għadab madwar id-dinja meta dehret f’filmat qed tagħti bis-sieq u tagħti l-gambetti lir-refuġjati waqt li dawn kienu qed jaħarbu mill-pulizija, esprimiet ruħha għall-ewwel darba dwar il-każ u qalet li dak il-ħin kienet mitlufa f’paniku.

Il-każ seħħ fl-Ungerija fil-bidu tal-ġimgħa meta l-camerawoman, li jisimha Petra Laszlo, dehret tattakka lir-refuġjati, fosthom tfal, qrib il-fruntiera mas-Serbja.

Laszlo insistiet li għamlet dak li għamlet bħala reazzjoni għall-biża’ li hi kienet qed tħoss f’dawk iċ-ċirkostanzi waqt li enfasizzat li mhix bniedma bla qalb u razzista li tħobb issawwat lit-tfal.

Il-camerawoman, li għandha 40 sena, tkeċċiet mill-istazzjon tat-televiżjoni N1TV li kienet impjegata miegħu u fil-preżent qed tiffaċċja akkużi kriminali għall-ksur tal-buon ordni.