Minħabba li l-etika mhijiex korretta u minħabba l-persuni li tpoġġew f’postijiet skont l-assoċjazzjoni tagħhom mal-Gvern, is-sena li għaddiet inħarġu 14,000 Permess ta’ Residenza lil barranin biex dawn jgħixu f’Malta. Simon Busuttil għamel din id-dikjarazzjoni meta kien qed jiġi intervistat dwar l-etika u l-politika fuq Radju RTK.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-etika tfisser li l-politiċi jagħmlu dak li hu sewwa, għalkemm ħadd m’għandu kmand assolut fuq dak li hu sewwa. Sostna li l-aħħar sentejn bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista esponewh ħafna għall-esperjenza tan-nies għax kiseb l-esperjenza tal-Università tat-Triq. Il-politika tfisser servizz u impenn lejn in-nies b’missjoni u vokazzjoni, sostna Simon Busuttil, li kompla li l-Partit Nazzjonalista hu partit magħġun mal-istorja tan-nazzjon Malti fl-istorja ta’ 135 sena mit-twaqqif tiegħu.
Simon Busuttil tkellem dwar l-importanza tal-fiduċja tan-nies u qal li l-politiċi jridu jaħdmu bis-sħiħ biex jiksbuha. Sostna li l-gwida tiegħu trid tkun il-politika onesta u tas-sewwa, filwaqt li quddiem l-iskandli li hawn, ir-riga tal-politiċi għandha tkun dritta. Kompla li din il-politika trid tkun applikata kemm ma’ min ikun wettaq xi nuqqas, kif ukoll ma’ min ikollu bżonn appoġġ.
Dwar ir-rwol tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil qal li din mhijiex biss li tikkritika lill-Gvern, għalkemm dan hu rwol fundamentali fid-demokrazija. Fil-verità, meta l-Gvern jgħd lill-Oppożizzjoni li qed tkun negattiva, fil-fatt ikun qed jipprova jsikket lill-Oppożizzjoni għax tkun qed tagħmel dmirha. Pereżempju, l-Oppożizzjoni ma tistax tibqa’ siekta quddiem l-Iskandlu tal-Visas u l-Permessi ta’ Residenza jew quddiem l-Iskandlu ta’ Gaffarena.
Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni se tkun qed tippreżenta l-proposti tagħha, tant li qabel l-aħħar tas-sena, il-Partit Nazzjonalista se joħroġ pakkett ta’ miżuri dwar il-politika nadifa li titratta t-trasparenza u l-governanza, kif ukoll Kodiċi ġdid ta’ Etika għall-Ministri wara li dan il-Gvern dgħajjef dan il-Kodiċi ta’ Etika.
Dwar il-konflitt bejn il-pożizzjoni tal-Knisja u pożizzjoni li jista’ jkollu partit, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-politiku għandu jiddeċiedi u jispjega lill-poplu. Semma’ l-IVF u qal li l-Gvern Nazzjonalista ma kellux Liġi fuq xhiex jaħdem, bil-konsegwenza li kulħadd kien jagħmel li jrid. Min-naħa l-oħra, hu aħjar li jkun hemm Liġi, anke jekk din ma jkollhiex l-approvazzjoni ġenerali.
Il-Partit Laburista għandu kriżi ta’ twemmin għax mhux ċar lil min qed jirrappreżenta, sostna Simon Busuttil, li qal li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista kellu biss pjan biex jirbaħ l-elezzjoni, iżda mhux ta’ x’se jagħmel wara. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li llum il-pajjiż qed ibati għax l-istituzzjonijiet imtlew b’nies viċin il-Gvern, li mhumiex ta’ kompetenza biżżejjed.
//= $special ?>