Lokali

Il-Pulizija sodisfatta dwar is-sitwazzjoni tal-kontroll tas-serq f’Tas-Sliema u ż-żona

Il-Korp tal-Pulizija hu sodisfatt bil-mod kif qed jirnexxielu jsolvi l-problema tal-kriminalità u serq fiż-żona ta’ Tas-Sliema. Dan is-sodisfazzjon kien espress mill-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar f’konferenza tal-aħbarijiet li l-Pulizija għamlet dwar is-sitwazzjoni tal-aħħar xhur għall-mewġa ta’ serq f’Tas-Sliema u żoni oħra.

Il-Kummissarju tal-Pulizija qal li dwar is-serq f’Tas-Sliema sar ħafna xogħol fil-kwiet, li fih kienu nvoluti diversi taqsimiet tal-Pulizija. Sostna li r-residenti ta’ Tas-Sliema għandhom iħossuhom ċerti mill-protezzjoni tal-Pulizija għax fl-aħħar ġimgħat, il-Pulizija ħadu l-prekawzjonijiet kollha kontra l-kriminalità.

Filwaqt li qal li Tas-Sliema kienet milquta minn “sensiela kbira ta’ serq”, il-Kummissarju tal-Pulizija sostna li f’Tas-Sliema din is-sena seħħew 15-il serqa, li kienu kollha solvuti mill-Pulizija. Dwar dawn il-każi, il-Pulizija arrestaw ħames persuni barranin, filwaqt li fil-jiem li ġejjin, il-Pulizija mistennija tressaq aktar persuni b’rabta ma’ każi ta’ serq miż-żona.

Filwat li qal li l-kritika li saret fuq il-Korp tal-Pulizija fl-aħħar ġimgħat ma kinitx ġusta, il-Kummissarju sostna li l-Pulizija ħadmet fis-skiet għax riedet issolvi dawn il-każi li ma kienux faċli. Matul is-sena li għaddiet, f’Tas-Sliema seħħew madwar 35 serqa, li minnhom il-Pulizija solviet 13.

Dwar is-sitwazzjoni fis-Swieqi, fejn il-Pulizija qed tkun iffaċċjata bi kritika, il-Kummissarju tal-Pulizija qal li qed jittieħdu l-miżuri meħtieġa, fosthom li t-telefonati tal-pubbliku jkunu diverted għal Għases oħra meta l-Għassa tas-Swieqi tkun magħluqa minħabba li l-Pulizija stazzjonat ikun ħareġ fuq xogħol.

Il-Kummissarju tal-Pulizija ċaħad li l-konferenza tal-aħbarijiet saret minħabba l-pressjoni u l-kritika li l-Pulizija qed tiffaċċja bħalissa, filwaqt li sostna li din saret biex il-pubbliku jingħata garanzija dwar il-protezzjoni li l-Pulizija qed tagħti lill-pubbliku.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema esprima s-sodisfazzjon tiegħu li ġew arrestati xi persuni li kienu l-moħħ wara dawn l-atti ta’ kriminalità. Filwaqt li rringrazzjaw lit-tmexxija tal-Korp, il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema wiegħed li jkompli jagħti l-appoġġ meħtieġ lir-residenti u anke lill-awtoritajiet biex ikun hemm aktar serħan tal-moħħ fil-lokalità.