Internazzjonali

Investigat il-kaos ġo kamp għar-refuġjati tal-Ungerija

L-awtoritajiet fl-Ungerija qed jinvestigaw dak kollu li qed iseħħ f’kamp għall-immigranti f’Roszke wara li ħareġ filmat li juri residenti qed ikunu trattati ‘bħall-annimali’.

Fil-filmat tispikka xena ta’ basktijiet bl-ikel jintefgħu bl-addoċċ lejn ir-residenti ta’ dan il-kamp qrib il-fruntiera mas-Serbja. It-terminu ‘annimali’ hu ta’ mara Awstrijaka li ġibdet il-filmat u li kkundannat it-trattament tal-immigranti, filwaqt li talbet biex l-istati tal-Unjoni Ewropea jiftħu l-fruntieri tagħhom.

Intant, kelliema għall-Human Rights Watch ukoll ikkundannaw dawn ix-xeni bla riservi, fost kummenti li l-immigranti qed jinżammu daqslikieku ‘annimali tal-merħla ġo razzett’. Il-kelliema sostnew li l-immigranti qed ibatu kundizzjonijiet terribbli f’żewġ ċentri ta’ Roszke, fejn hemm nuqqas ta’ ikel u mezzi għall-kura medika.

Fl-aħħar ġimgħat, eluf kbar ta’ immigranti għamlu li setgħu biex jaħarbu mill-konflitti f’pajjiżi bħas-Sirja u l-Libja. Ħafna minnhom qegħdin jivvjaġġaw mill-Ungerija fi triqthom lejn l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Iżvezja.

Il-Kummissjoni Ewropea trid li mal-120,000 refuġjat addizzjonali li qed ifittxu kenn politiku jinqasmu bejn it-28 stat tal-Unjoni, fost l-oppożizzjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja.

Il-Ministri mill-Istati taċ-Ċentru tal-Ewropa, fil-fatt, reġgħu rrifjutaw is-sistema tal-kwoti obbligatorja, u l-Ministru Ċek għall-Affarijiet Barranin, Lubomir Zaoralek, saħaq b’konvinzjoni li l-pajjiżi għandhom iżommu kontroll fuq in-numru tal-immigranti li jistgħu jaċċettaw, imbagħad joffrulhom l-appoġġ meħtieġ.

Hu qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet, fil-preżenza tal-Ministri kollegi mill-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja.

Intant, hu mifhum li l-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, għandu jsejjaħ summit ta’ emerġenza aktar ’il quddiem fix-xahar f’każ li ma tinstabx soluzzjoni għad-diżgwid.

Fil-preżent hemm movimenti kbar ta’ refuġjati fil-fruntiera tal-Ungerija mal-Awstrija, b’madwar 8,000 jaqsmu lejn Nickelsdorf fl-Awstrija nhar il-Ħamis. Mistenni li ammont simili ta’ refuġjati se jinfiltraw l-Awstrija, illum, mill-istess zona.

Il-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orban, issa qed iwissi li, mill-ġimgħa d-dieħla, in-nies li jaqsmu l-fruntiera għal pajjiżu illegalment għandhom ikunu arrestati. Orban sostna li l-immigranti li qed jidħlu ‘bl-eluf’ fl-Ungerija kienu ‘rvellaw’ kontra l-pulizija Ungeriża u għaldaqstant hemm ħtieġa li l-qawwiet tas-sigurtà jaċċertaw mill-ordni fil-pajjiż.