Internazzjonali

Jgħidu li l-ISIS qed jipproduċi l-armi kimiċi

Il-membri tal-Gvern tal-Istati Uniti huma dejjem aktar imħassba li l-militanti tal-ISIS qed jipproduċu u jużaw armi kimiċi – ta’ tip li mhux sofistikat – fl-artijiet tal-Iraq u s-Sirja.

L-Istati Uniti, intant, identifikat tal-anqas erba’ okkażjonijiet li fihom l-ISIS uża elementi tal-mustard gas. Hu mifhum li dan seħħ maż-żewġ naħat tal-fruntiera bejn l-Iraq u s-Sirja.

Fl-istess ħin, l-Istati Uniti temmen li l-ISIS għandu ċella apposta li hi ddedikata għall-produzzjoni ta’ dawn l-armi qerrieda, filwaqt li l-uffiċjali qalu li l-kimika inkwistjoni qed tintuża fil-forma ta’ trab.

Sadanittant, il-membri ta’ skwadra tal-istazzjon BBC li qegħdin fl-inħawi tal-fruntiera bejn it-Turkija u s-Sirja qalu li raw huma stess indikazzjonijiet li jissostanzjaw l-għajdut.

Ingħad li kimika għall-mustard gas, fil-forma ta’ trab, qed tkun ippakkjata fi splussivi tradizzjonali li jinkludu t-tipi ta’ balal li jkunu sparati minn mortars. Dan meta l-kimika inkwistjoni mhix daqstant diffiċli biex wieħed jipproduċiha.

Hemm ukoll xi teoriji alternattivi, fis-sens li l-militanti tal-ISIS setgħu sabu ammonti ta’ armi kimiċi fl-Iraq jew fis-Sirja.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Amerikan qed ikompli jinvestiga kull allegazzjoni dwar l-użu tal-armi kimiċi fl-Iraq u s-Sirja, u l-uffiċjali infurmati saħqu li ħafna aġenziji sigrieti issa jemmnu li hemm biżżejjed provi biex jappoġġjaw bil-fatti l-istqarrijiet.