Internazzjonali

L-14-il anniversarju mill-attakki tal-11 ta’ Settembru – Qawsalla fuq Ground Zero

Illum id-dinja qed tfakkar l-14-il anniversarju mill-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001 fuq il-World Trade Centre ta’ New York, il-Pentagon u Pennsylvania.

L-attakki kienu pjanati mill-grupp al-Qaeda, u l-aktar li jibqgħu f’moħħ kulħadd huma x-xeni taż-żewġ torrijiet tal-World Trade Centre illi iġġarfu.

Fl-Istati Uniti matul il-ġurnata tal-lum qed isiru diversi ċerimonji ta’ tifkira. Sinifikanti iżda kienet il-qawsalla li dehret ilbieraħ fuq is-sit ta’ Ground Zero fejn kien hemm iż-żewġ torrijiet – qawsalla li dehret tiela eżatt mill-post fejn iġġarfu t-torrijiet.

Intant, ilbieraħ kienet ukoll ġurnata movimentata għall-Pulizija f’Kansas City meta arrestaw raġel suspettat li kien qed jippjana attakk terroristiku. Ir-raġel li għad għandu 20 sena jismu Joshua Ryne Goldberg, u huwa minn Orange Park fi Florida.