MILL-QORTI: Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Anna Felice ċaħdet talba ta’ Floriana FC biex jaqa’ l-mandat ta’ sekwestru li kien għamel l-eks President Johann Said u li timponi garanzija fil-konfront tiegħu.
Il-Qorti qalet li ma ssib ebda raġuni li twassalha timponi garanzija li tista’ tkun mod ieħor li, fiċ-ċirkostanzi, jista’ jasal biex ixekkel dritt ta’ kreditur li jassikura l-kreditu tiegħu skont il-liġi.
Il-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha tal-Floriana FC. Il-club talab biex Johann Said iħallas penali ta’ mhux anqas minn €1,164.69 u mhux aktar minn €6,988.12, li jmorru għand Floriana FC peress li skont huma t-talba ta’ Said saret b’malizzja u hi bla bażi.
Johann Said qal li t-talba ta’ Floriana FC għandha tiġi miċħuda u għandu jiġi enfasizzat id-dritt ta’ kreditur li jikkawtela l-interessi tiegħu u d-dritt m’għandu qatt jitwarrab leġġerment.
Il-Qorti qalet li ma ssibx li jeżistu l-elementi rikjesti mil-liġi li jwassluha tħassar il-mandati. Għaldaqstant, lanqas ma hija ġustifikata l-impożizzjoni ta’ penali.
Il-każ bejn l-ex President u t-tim Furjaniż ilu għaddej u kien sar ukoll protest, ippreżentat mill-Avukati Michael Tanti-Dougall u Rebekah Tanti-Dougall għan-nom ta’ Floriana FC li sostnew li l-aġir ta’ Said kien abbużiv għaliex bħala President tal-klabb, kellu jkun aktar interessat li jissalvagwardja l-interessi tal-klabb, kif il-partitarji ta’ Floriana FC kienu jippretendu u jistennew.
Floriana FC iddikjaraw li huma ma jaqblux li l-ammonti li Said qed jallega li għandu jieħu anzi m’hemm l-ebda bażi legali li fuqhom Said jista’ jsostni l-argumenti tiegħu. Riċentament Floriana FC irċevew tliet mandati, inkluż dawk ta’ sekwestru u qbid mingħand Said. Il-klabb qed isostni li minbarra li dawn huma bla bażi, l-iskop tagħhom hu biss biex jagħkksu lill-klabb finanzjarjament.