Lokali

Albert Mizzi jingħata l-aħħar tislima

Is-Sibt filgħodu ingħatat l-aħħar tislima lil Albert Mizzi hekk kif fil-Knisja tal-Balluta f’San Ġiljan sar il-funeral ta’ dan l-industrijalist li miet fl-eta’ ta’ 87 sena. Hu ngħata l-aħħar tislima minn diversi familjari, qraba, ħbieb kif ukoll persuni li matul ħajtu ħadmu fil-qrib miegħu.

Albert Mizzi jibqa’ mfakkar għall-kontribut siewi li ta lill-ekonomija ta’ pajjiżna kemm f’karigi għolja li serva f’kumpaniji statali, kif ukoll bis-sehem attiv li baqa’ jagħti sal-aħħar ta’ ħajtu fis-settur privat.

Albert Mizzi kien l-ewwel Chairman tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, li twaqqfet fl-1973. Kumpaniji oħra li hu mexxa frott l-esperjenza u d-dedikazzjoni tiegħu kienu l-Grupp HSBC Malta, Middlesea Insurance, Midi PLC, Plaza Centres, Mellieħa Bay Hotel, Mizzi Associated Enterprises Limited u Consolidated Biscuits.

Malli kienet tħabbret il-mewt ta’ Albert Mizzi, il-Partit Nazzjonalista kien sellem il-memorja tiegħu u ddeskriva lil Mizzi bħala viżjonarju li ta kontribut lill-pajjiżna.

Anki l-Air Malta sellmet il-memorja ta’ Albert Mizzi, li qatta’ madwar għoxrin sena fit-tmexxija tal-linja nazzjonali tal-ajru.