Lokali

Filmat: Kull ħames sekondi jmut xi ħadd kawża ta’ inċident

Illum il-Jum Dinji dwar l-Ewwel Għajnuna

Kull ħames sekondi madwar id-dinja jmut xi ħadd kawża ta’ xi inċident. Kulħadd jista’ jkun f’riskju waqt xi emerġenza kemm ġewwa d-dar, fit-triq jew fuq il-post tax-xogħol u għaldaqstant hu essenzjali li kulħadd ikun imħarreġ fl-ewwel għajnuna.

Hekk kif fit-12 ta’ Settembru jkun ċelebrat il-Jum Dinji tal-Ewwel għajnuna, dan is-sit tkellem ma’ Edward Gruppetta, il-President tas-Soċjeta’ Maltija tas-Salib l-Aħmar, dwar l-importanza tat-tagħrif dwar l-ewwel għajnuna (filmat fuq).

Is-soċjeta’ Maltija tas-Salib l-Aħmar tisħaq li ħafna drabi, in-nies ikunu jibżgħu joffru l-għajnuna għax ma jkunu qatt tħarrġu fl-ewwel għajnuna, madanakollu, tagħlim. dwar l-ewwel għajnuna tista’ twassal biex tissalva ħajja.

Is-soċjeta’ Maltija tas-Salib l-Aħmar għandha 20 sena esperjenza fit-taħriġ tal-ewwel għajnuna u torganizza diversi sessjonijiet ta’ taħriġ għall-pubbliku, fuq il-postijiet tax-xogħol u ġol-iskejjel. It-taħriġ ma jieħux fit-tul u ma jiswiex ħafna flus.

Fil-Jum Dinji dwar l-Ewwel Għajnuna, is-Soċjeta’ Maltija tas-Salib l-Aħmar tingħaqad ma’ 180 pajjiż ieħor biex tkompli tinkoraġixxi aktar nies jitħarrġu fl-ewwel għajnuna. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq is-sit redcross.org.mt