Lokali

Filmat: Statwa tal-plastik biex tqajjem kuxjenza dwar riskji għall-għaddasa

35% tal-każijiet ta’ korrimmenti tal-għaddasa huma kkawżati minn dik li tissejjaħ “Decompression Sickness” – marda kkawżata mid-dekompressjoni ta’ taħt il-baħar u li tista’ tkun evitata jekk jinxtorob ħafna ilma.

Kien dan il-ħsieb wara attivita’ organizzata minn DAN – Divers Alert Network – li fiċ-Ċirkewwa qassmu flixken tal-ilma b’xejn lil għaddasa li kienu qed iħejju biex jgħoddsu fl-inħawi. Jitkellem ma’ MaltaRightNow.com Joseph Pace, Senior Executive ta’ DAN (ara l-filmat), li jispjega l-għanijiet ta’ DAN u b’mod aktar partikolari, l-għanijiet tal-attivita’ li llum tellgħu fiċ-Ċirkewwa.

Cristian Pellegrini, Kelliem ta’ DAN spjega aktar fid-dettal dwar it-tema ta’ din il-kampanja: Stay Hydrated. Jispjega li l-kampanja hija mmirrata li tqajjem iktar kuxjenza dwar l-importanza li l-għaddasa jixorbu l-ilma qabel jgħoddsu, bil-għan li jnaqqsu r-riskju ta’ bżieżaq fid-demm ikkawżati mid-dekompressjoni fil-baħar. Sitwazzjoni li tista’ twassal għal uġiegħ kbir fil-muskoli, senzazzjonijiet imtarrxa f’partijiet tal-ġisem jew saħansitra diffikultajiet biex għaddas jieħu n-nifs minħabba d-diffikulta’ li d-demm jiċċaqlaq fil-ġisem kawża tal-bżieżeq fid-demm.

DAN hija organizazzjoni mifruxa madwar id-dinja u hi bbazata f’Malta. DAN twettaq riċerka medika kif ukoll toffri assistenza lill-għaddasa f’każi ta’ emerġenza.

Bhala parti minn dil-kampanja, DAN ikkummisjonaw statwa magħmula kompletament minn fliexken u tankijiet tal-ilma li matul is-sajf tqassmu bħala parti mill-kampanja: “More Water, Less Bubbles”. L-istatwa tpoġġiet temporanjament fiċ-Ċirkewwa, waħda mill-aktar zoni popolari għall-għaddasa f’Malta. L-istruttura tal-plastik tissimbolizza l-importanza li l-għaddasa jixorbu l-ilma qabel jgħoddsu, kif ukoll l-importanza li l-fliexken ma jintremewx bl-addoċċ wara li jintużaw.

statwa plastik