F’sentenza li ngħatat fl-aħħar sigħat, l-Awtorita’ tax-Xandir tat raġun lill-Partit Nazzjonalista għal ilment li l-Partit Nazzjonalista ressaq fl-20 ta’ Awwissu dwar żbilanċ f’servizz li l-PBS xandar dwar il-Power Station il-ġdida.
F’dan is-servizz, li l-PBS beda l-bulettin tal-aħbarijiet bih, il-PBS għażel li jieħu kummenti tal-Ministru Konrad Mizzi dwar id-dewmien fil-bini tal-Power Station. Huwa fatt li l-Partit Laburista, qabel l-elezzjoni, kien wiegħed li jibni l-Power Station sa Marzu li għadda, jiġifieri sitt xhur ilu, iżda sal-lum, din il-Power Station għadha mhix lesta.
Madanakollu, minkejja l-kontroversja politika dwar il-bini ta’ din il-Power Station, l-PBS għażel biss li jieħu kummenti ta’ Konrad Mizzi, u għażel li ma jieħu ebda reazzjoni minn naħa tal-Oppożizzjoni. Dan minkejja li fl-istess servizz, il-PBS stess għażel li jiddeskrivi l-bini tal-Power Station bħala issue kontroversjali.
Kien għalhekk li l-Awtorita’ tat raġun lill-Partit Nazzjonalista li l-ilment imressaq kontra l-PBS kien ġustifikat, u dan peress li l-PBS għażel li la jitlob għal reazzjoni mill-Oppożizzjoni u wisq anqas ixandarha.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li dan mhux l-ewwel każ f’din il-leġiżlatura li l-PBS instab ħati ta’ żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista. F’dan id-dawl, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja biex jieqaf b’din il-kampanja li tagħti vuċi biss lill-Gvern, u fl-istess ħin jibbojkottja lill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni. L-istazzjon nazzjonali m’għandux ikun għodda partiġġjana tal-Gvern Laburista, iżda stazzjon li joffri bilanċ lill-poplu Malti u Għawdxi.
Għall-Partit Nazzjonalista dehru l-Avukat Matthew Paris u d-Direttur Informazzjoni Matthew Bonett.
//= $special ?>