Mietu talanqas 90 persuna fi splużjoni kbira li qerdet ristorant fl-inħawi ta’ Petlawad, fl-Istat Indjan ta’ Madhya Pradesh. L-awtoritajiet fl-Indja, intant, ma jeskludux li ċ-ċifra tal-mewt kellha tkompli tikber.
L-isplużjoni seħħet fil-ħin tal-kolazzjon meta l-istabbiliment partikolari kien mimli bil-ħaddiema u t-tfal. Fl-inċident indarbu wkoll numru ta’ nies li ddaħħlu l-isptar b’urġenza.
Il-kawża eżatta tat-traġedja mhix ċara, bil-pulizija, għall-bidu, tirreferi għall-possibbiltà li sploda ċilindru tal-gass fil-kumpless. Intant, l-awtoritjiet m’humiex jeskludu l-possibbiltà li xi splussivi li kienu stivati qrib ir-ristorant setgħu ġew f’kuntatt ma’ nirien.
Fl-aħħar sigħat komplew l-isforzi tas-salvataġġ fiz-zona tal-isplużjoni, bl-awtoritajiet jevakwaw lir-residenti tal-bini viċin ir-ristorant. L-istabbiliment inkwistjoni jinsab qrib venda għall-karozzi tal-linja attiva, bil-qawwa tal-isplużjoni tkun biżżejjed biex twaqqa’ bini ieħor fl-inħawi.
//= $special ?>