Internazzjonali

Il-Ġermanja tistenna eluf kbar oħra ta’ refuġjati

Uffiċjali fil-Ġermanja qalu li f’dawn il-jumejn jistgħu jaslu mal-40,000 immigranti ġodda f’pajjiżhom, b’din iċ-ċifra tkun id-doppju tal-ammont li kienu daħlu fl-artijiet Ġermaniżi daqs ġimgħa ilu.

Ħafna mill-immigranti mistennija jaslu fi Munich iżda hemm it-tħassib dwar jekk ir-reġjun Ġermaniż tan-Nofsinar ilaħħaqx ma influss hekk kbir ta’ immigranti. Danwaqt li madwar 4,000 suldat qed ikunu stazzjonati fil-Ġermanja biex jagħtu appoġġ loġistiku.

Is-Sindku ta’ Munich, Dieter Reiter, ħareġ b’sejħa urġenti biex ir-reġjuni l-oħra tal-Ġermanja jagħmlu aktar biex jipproċessaw u jakkommodaw il-barranin ġodda. Dan meta l-pajjiż ilu ġimgħa jilqa’ numri kbar ħafna ta’ refuġjati.

Għexieren ta’ eluf ta’ immigranti, fil-maġġoranza Sirjani, ilhom l-aħħar jiem jivvjaġġaw mit-Turkija, ir-reġjun tal-Balkani u l-Ungerija bl-iskop li jilħqu pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Awstrija u l-Iżvezja fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa.

Sadanittant, l-immigranti komplew jaslu fil-Maċedonja mill-Greċja, meta aktar karrozzi tal-linja mimlijin bir-refuġjati qed javviċinaw il-fruntiera tal-Ungerija.

Fl-istess ħin, eluf ta’ nies, illum, ħadu sehem f’Jum ta’ Azzjoni li kienet tinvolvi dimostrazzjonijiet favur l-immigranti madwar l-Ewropa. Saru wkoll xi dimostrazzjonijiet kontra l-preżenza ta’ dawn l-immigranti f’numru ta’ pajjiżi.

Fi żviluppi oħra, il-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orban, sejjaħ biex l-Unjoni Ewropea tagħti mat-tlett biljun ewro f’għajnuna finanzjarja lill-ġirien tas-Sirja, b’dawn il-flus, skont hu, għandhom iservu ta’ għajnuna għan-nies li spiċċaw refuġjati tal-gwerra ċivili Sirjana.

Orban spjega li f’każ li t-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan kellhom jingħataw dan il-pakkett wieħed ikun jista’ jara l-aħħar tal-immigrazzjoni tal-massa lejn l-Ewropa.

L-Ungerija qed issibha diffiċli biex tlaħħaq ma’ xi 150,000 immigrant li qasmu l-fruntieri tagħha din is-sena u l-awtoritajiet fil-pajjiż, mill-ġimgħa d-dieħla, għandhom jarrestaw il-barranin li jidħlu f’arthom illegalment.

F’dawn il-jiem spikkat it-tensjoni bejn l-awtoritajiet fl-Ungerija u l-immigranti fl-artijiet tagħha meta ħarġu wkoll rapporti dwar il-kundizzjonijiet tal-waħx li qed jiffaċċjaw ir-refuġjati fil-kamp ta’ Roszke, viċin il-fruntiera tal-Ungerija mas-Serbja.