Id-deputat veteran tax-xellug Jeremy Corbyn ġie elett Kap tal-Partit Laburista u issa se jmexxi l-Oppożizzjoni għall-Gvern konservattiv fir-Renju Unit immexxi mill-Prim Ministru David Cameron.
Il-kampanja għat-Tmexxija Laburista kienet deċiża wara kampanja intensiva ta’ tliet xhur u fejn Corbyn irnexxielu jikseb vantaġġ sostanzjali u ‘finali’ fuq il-kandidati rivali. Sadanittant, Tom Watson kien elett Viċi-Kap Laburista wara li għeleb lil erba’ sfidanti għall-kariga.
Jeremy Corbyn ma kienx fost il-favoriti fil-bidu tat-tellieqa iżda fl-aħħarnett irnexxielu jissupera bil-kbir lill-isfidanti aktar rinomati biex jilħaq Mexxej Laburista.
Ir-rivali ewlenin tiegħu kienu d-deputati Andy Burnham, Yvette Cooper u Liz Kendall; b’Jeremy Corbyn jikseb mas-sittin fil-mija tal-voti tal-ewwel preferenza — jew erbgħin fil-mija aktar minn Burnham, li spiċċa t-tieni, b’19 fil-mija. Burnham kien segwit minn Yvette Cooper, bi 17 fil-mija tal-vot, b’Liz Kendall tikseb biss 4.5 fil-mija.
Ħarġu jivvutaw għall-Kap ġdid Laburista total ta’ 422,664 persuna, b’Corbyn ikun l-aktar kandidat li appella lill-membri tal-partit u lit-trejdunjonisti.
Jeremy Corbyn ilu 32 sena bħala back-bencher fil-House of Commons ta’ Londra u fid-diskors tar-rebħa wiegħed li se jistinka għal Renju Unit aktar tolleranti u inklussiv. Corbyn, fl-istess ħin, sostna li hu għandu jikkonfronta l-inugwaljanzi kbar li jeżistu f’pajjiżu.
//= $special ?>