Internazzjonali

Jirriżenja l-Gvern tal-Eġittu

Il-Gvern tal-Eġittu rriżenja u l-Ministru taż-Żejt tal-pajjiż ġie mitlub jifforma Kabinett ġdid fi żmien ġimgħa. L-ewwel aħbar dwar l-iżvilupp ingħatat mill-uffiċċju tal-President Eġizzjan Abdul Fattah al-Sisi.

Ma ngħatatx raġuni għar-riżenja tal-Gvern iżda sors ewlieni kien ikkwotat li l-iskop ta’ dan kien biex isir reshuffle tal-Kabinett wara skandlu dwar il-korruzzjoni. Jiem ilu, il-Ministru tal-Agrikoltura Eġizzjan kien arrestat b’konnessjoni ma’ investigazzjoni dwar il-korruzzjoni.

Fi stqarrija, il-Presidenza Eġizzjana qalet li l-Prim Ministru Ibrahim Mahlab ippreżenta r-riżenja tal-Gvern lill-President Sisi li aċċettah minnufih.