Internazzjonali

Konslu ta’ Franza sospiża dwar bejgħ ta’ dgħajjes lill-immigranti

L-awtoritajiet ta’ Franza ssospendew il-konslu onorarju tagħhom fil-port ta’ Bodrum, fit-Turkija. Dan wara li rapport żvela li stabbiliment partikolari, li hi proprjetà tal-istess konslu, qed ibiegħ id-dinghies lill-immigranti.

Il-France 2 TV ġibed filmati sigrieti li juru lill-konslu, Francoise Olcay, qed tbiegħ dawn id-dinghies flimkien ma’ life jackets lill-immigranti li jittamaw li jirnexxilhom jaqsmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi. Dan meta, fl-ewwel seba’ xhur tas-sena, mal-124,000 refuġjat waslu l-Greċja wara vjaġġi bil-baħar.

Olcay, intant, ammettiet li kienet involuta ‘fil-kummerċ’ u qalet li d-dinghies u l-apparat għall-emerġenzi kienu se jinxtraw xorta ‘mingħand ħaddieħor’ li kieku hi ma ħaditx l-inizjattiva. Fl-istess ħin, il-konslu onorarju qed tallega li l-awtoritajiet Torok ukoll huma involuti fil-bejgħ tad-dinghies u provvisti lill-immigranti.

Osservaturi qalu li filwaqt li l-konsli onorarji m’humiex membri tal-korp diplomatiku, ir-rapport dwar Olcay għandu jimbarazza bil-kbir il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin.

Il-ġurnalista ta’ France 2 TV li żvela l-każ kien qed jinvestiga s-sorsi tal-provvisti għall-immigranti f’Bodrum u, maż-żmien, sab ħanut kbir, bil-bandiera ta’ Franza fuq barra, u b’sinjal mad-daħla li kien jaqra ‘Konslu Onorarju ta’ Franza’.

Francoise Olcay, ‘il quddiem, ikkonfermat li hi kienet biegħet id-dgħajjes lill-immigranti minkejja li taf li ħaġa bħal din tista’ jkollha l-konsegwenzi traġiċi. Hi infurmat lill-ġurnalista li dak li għamlet ma jistax jitqies bħala sewwa, ‘iżda kulħadd qed ikollu sehem f’dan l-aġir’.