Lokali

L-Air Malta ssellem lill-eks Chairman Albert Mizzi

Il-kumpanija tal-linja nazzjonali tal-ajru, Air Malta, sellmet lill-eks Chairman tal-kumpanija Albert Mizzi, li sal-lum jbqa’ l-aktar Chairman li dam fil-kariga. Mizzi, li miet ftit tal-jiem ilu, kien dam fil-kariga kważi 20 sena, bejn l-1973 u l-1992, fi żmien meta l-Air Malta kibret fil-popolarita’ u fir-reputazzjoni bħala linja tal-ajru reputabbli.

Fi stqarrija l-Air Malta sellmet lil Albert Mizzi għad-dedikazzjoni, l-passjoni u l-impenn tiegħu lejn il-linja tal-ajru nazzjonali. Iddeskriviet lil Mizzi bħala l-persuna li mexxa lill-Air Malta sa’ minn wara t-twelid tagħha sakemm bdiet tifjorixxi.

Albert Mizzi jibqa’ jkun ta’ eżempju għall-impjegati tal-Air Malta hekk kif dejjem poġġa l-interessi tal-Air Malta qabel tiegħu stess, qalet iċ-Chairperson tal-Air Malta Maria Micallef li kompliet tiddeskrivi lil Albert Mizzi bħala ġentlom b’kwalitajiet ta’ mexxej u viżjonarju.

Albert Mizzi nħatar Chairman tal-Air Malta fl-1973, bl-inawgurazzjoni tal-Air Malta ssir fl-1974. Fl-1974 stess l-Air Malta taret għall-ewwel darba lejn Heathrow f’Londra. Kien fl-1982 li imbgħad l-Air Malta ordnat l-ewwel ajruplan Boeing tagħha, li wasal sena wara fl-1983.

Fl-1990 wasal l-ewwel ajruplan Airbus taħt it-tmexxija ta’ Albert Mizzi u fl-istess sena, il-Papa Ġwanni Pawlu II rikeb fuq ajruplan tal-Air Malta. Fl-1992 intemmet it-tmexxija ta’ Albert Mizzi bħala Chairperson tal-linja nazzjonali tal-ajru.