F’tentattiv biex tillimita s-serq tal-elettriku, l-Enemalta flimkien ma’ ARMS Ltd nidew skema li fiha sidien ta’ boathouses jistgħu japplikaw għal provvista temporanja ta’ elettriku.
Fi stqarrija l-Enemalta qalet li matul is-sena li għaddiet irnexxielha tnaqqas is-serq, jew non-technical losses kif tirreferi għalih l-Enemalta stess, bi 33%.
L-għoti ta’ konnessjonijiet temporanji għal boathouses fl-Armier u l-Bajja ta’ San Tumas kienet waħda mill-miżuri li ttieħdu biex inaqqsu t-telf tal-Enemalta u biex jitneħħew għadd ta’ irregolaritajiet fosthom self illegali ta’ konnessjonijiet tal-elettriku.
L-Enemalta qalet li wara spezzjonijiet li saru f’dawn iż-żewġ zoni, il-kumpanija neħħiet madwar 200 każ fejn instabu suspetti ta’ irregolaritajiet.
L-Enemalta qalet ukoll li f’estimi mill-qari tal-konsum tal-elettriku f’dawn iz-zoni ta’ boathouses juru li l-Enemalta qed titlef iktar minn 40% tad-dħul potenzjali mis-servizz tal-elettriku. Fi kliem oħra, kważi n-nofs tal-provvista tal-elettriku lill-boathouses tal-Armier u l-Bajja ta’ San Tumas hi misruqa.
L-Applikazzjoni ghall-provvista temporanja tal-elettriku għandha miżata ta’ €460 u depożitu ta’ €1,000 fuq il-konsum. Is-servizz jiġi mġedded kull sena b’miżata addizzjonali ta’ €230 u l-kontijiet pendenti.
L-Enemalta tavża li l-provvista temporanja tal-elettriku lill-boathouses tingħata biss jekk ikun teknikament possibbli li s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku eżistenti issostni dawn is-servizzi fil-postijiet mitluba.
L-Enemalta twissi li din il-provvista temporanja tal-elettriku ma tagħti l-ebda dritt jew titlu ta’ ebda natura fuq il-propjeta’.
//= $special ?>