“Kien qisu massakru, iċarrat lin-nies bl-addoċċ. Paceville dmija biss kien hemm” – xhud tal-inċident li seħħ f’Paceville
“Kien qisu massakru, iċarrat lin-nies bl-addoċċ. Paceville dmija biss kien hemm mal-art u jien kont qed nara l-mewt gejja ghalija”
Kliem tfajla li ma’ MaltaRightNow.com irrakkuntat b’mod esklussiv dak li seħħ fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd f’Paceville, meta minn tal-inqas sitt persuni weġġgħu gravi f’attakk minn barrani. It-tfajla kienet fil-kumpanija ta’ raġel ta’ 29 sena minn Ħal Kirkop li kien fost il-vittmi (ritratt fuq).
It-tfajla tirrakkonta li hi kienet miexja flimkien mal-ħabib tagħha lejn il-karozza wara lejl ta’ divertiment. Huma kienu mexjin fid-direzzjoni tal-karozza tagħhom għall-ħabta tal-4.15 ta’ filgħodu, meta f’daqqa waħda sabu ma wiċċhom barrani li beda jinsulentahom.
Ma’ MaltaRightNow.com, it-tfajla tgħid li fil-pront, il-barrani xejjer daqqa ta’ sikkina fid-direzzjoni tar-raġel li kienet miegħu u ċarratlu ħalqu. Bis-sikkina, ħebb ukoll għal żewġt irġiel li marru biex jassistu, kif ukoll żewġ irġiel oħra li kienu bilqiegħda fuq ċint fil-qrib.
Tgħid li kien f’dawn il-mumenti li l-Libjan kien se jħebb għaliha wkoll, “rajt il-mewt ġejja,” tirrakkonta t-tfajla filwaqt li tinsisti li hi u r-raġel li kienet miegħu ma taw fastidju lil ħadd u l-anqas biss kienu jafu min hu l-barrani.
Iżda l-paniku kompla anke’ meta l-ħabib tagħha, il-Malti, iddaħħal l-isptar Mater Dei isofri minn feriti gravi. Filwaqt li tgħid li b’rabta mal-istess każ, iddaħħlu l-isptar aktar minn sitt persuni.
“Daħlu l-isptar mal-25 ruħ għax infermier fl-isptar qalli li qatt ma ra xi ħaġa bħal din kemm ilu jaħdem hemm,” tirrakonta t-tfajla, “l-art tal-Emerġenza mimlija demm u l-ħin kollu tisma’ lill-infermieri jgħidu li se jidħol pazjent ieħor b’rabta mal-istess każ.”
Ma konniex bil-ħsieb li noħorġu… fejn qatt tobsor li se tispiċċa b’wiċċek imċarrat sa’ filgħaxija?
Filwaqt li tappella għal aktar sigurta’, it-tfajla tgħid li hi u l-ħabib tagħha ma kienux beħsiebhom joħorġu iżda kienu ddeċidew mod ieħor. “Fejn qatt tobsor li se tispiċċa b’wiċċek imċarrat sa’ filgħaxija?” tgħid it-tfajla filwaqt li tispjega li għadha tinsab taħt xokk.
“Din ma kinitx ġlieda kif ġie rappurtat,” tisħaq it-tfajla, “ir-raġel ġie minn imkien u wettaq massakru. F’għajnejh, dak il-ħin, rajt ix-xitan,” tgħid b’xokk fuqha t-tfajla.
Intant il-Libjan ġie arrestat wara tfittxija għalih mill-Pulizija tad-Distrett.
Ritratt: Ir-raġel li kien fost is-sitt vittmi tal-attakk f’Paceville. Hu ddaħħal l-isptar b’feriti ta’ natura gravi.
//= $special ?>