Lokali

F’kundizzjoni gravi wara inċident f’Ħal Qormi

Raġel ta’ 35 sena jinsab f’kundizzjoni gravi għalkemm mhux f’periklu tal-mewt wara inċident li seħħ il-Ħadd filgħodu f’Ħal Qormi.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7 ta’ filgħodu fi Triq il-Kbira, meta l-Pulizija marru fuq il-post fejn irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn żewġ karozzi tat-tip BMW u Honda. Il-BMW kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 24 sena minn Ħal Qormi filwaqt li l-karozza Honda kienet qed tinstaq mir-raġel ta’ 35 sena residenti Tal-Pieta’.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq ta’ 35 sena l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt. Ix-xufier l-ieħor ma sofra l-ebda ġrieħi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.