Lokali

Il-Knisja f’Malta se tilqa’ s-sejħa tal-Papa Franġisku

Il-kriżi tar-refuġjati fl-Ewropa: Il-Knisja tħejji pjan ta’ għajnuna lir-refuġjati

Il-Knisja f’Malta se tagħti l-appoġġ tagħha għall-inizjattiva li ħabbar nhar il-Ħadd li għadda l-Papa Franġisku biex parroċċi, komunitajiet reliġjużi, monasteri u santwarji jilqgħu familji refuġjati. Dan kien ikkonfermat lil gazzetta il-mument minn Kevin Papagiorcopolo, il-Kap tal-Media tal-Arċedjoċesi ta’ Malta.

Mistoqsi jekk il-Knisja f’Malta hux qed tħejji xi forma ta’ pjan anki b’koordinazzjoni ma’ entitajiet non-governattivi jew kunsilli biex kull parroċċa tilqa’ familja ta’ refuġjati kif propost mill-Papa, il-kelliem uffiċjali tal-Kurja f’Malta qal biss li d-dettalji dwar l-appoġġ li se tagħti l-Knisja f’Malta mistennija jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Hu fakkar li l-Knisja f’Malta qed toffri akkomodazzjoni lil madwar 400 persuna li qed ifittxu ażil, f’14-il residenza, f’seba’ lokalitajiet differenti, permezz tal-Kummissjoni Emigranti li toffri ghajnuna konkreta u tikkordina l-ħidma f’dan il-qasam. Diversi servizzi u appoġġ ieħor huma offruti ukoll mill-JRS (Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati) u mil-Laboratorju tal-Paċi.

L-appell tal-Papa li sar bħal-lum ġimgħa waqt li kien qed jindirizza eluf ta’ pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru. Dakinhar hu ħabbar ukoll li l-Vatikan kien se jiftaħ il-bibien għal żewġ familji Sirjani, madanakollu ma ngħatawx wisq dettalji.

Intant kmieni dan ix-xahar l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech fakkar fl-appell li kien għamel sena ilu fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina. Fil-Bażilika tax-Xagħra fit-8 ta’ Settembru tal-2014 kien ippropona li kull komunità parrokkjali fid-djoċesi ta’ Għawdex taċċetta li tilqa’ għandha familja minn fost l-Insara ppersegwitati.

Aktar dettalji fil-gazzetta il-mument…