Il-Partit Nazzjonalista qed jingħaqad mal-GRTU fis-sejħa biex il-kontijiet tad-dawl jorħsu bi 30%, u dan fid-dawl tar-roħs drastiku fil-prezz internazzjonali taż-żejt, li minn $120 dollaru-il barmil fi żmien il-Gvern preċedenti, issa niżel għal madwar $40 dollaru-il barmil. “B’dan il-mod, l-Oppożizzjoni qed turi li mhux qed tistenna li tkun fil-Gvern biex tagħmel il-proposti, iżda issa qed tagħmel il-pressjoni fuq il-Gvern biex l-affarijiet isiru aħjar,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, waqt intervista fuq Radio 101 dalgħodu.
Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied jgħid li anke l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel għandhom jorħsu b’tali mod li jirriflettu l-prezz internazzjonali taż-żejt li raħas għal terz ta’ dak li kien fi żmien il-Gvern preċedenti. Simon Busuttil sostna li l-prezz tal-fuels huwa problema waħda minn erba’ li għandu l-poplu Malti u Għawdxi f’dak li għandu x’jaqsam mat-toroq ta’ pajjiżna. “Minbarra l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, hemm is-sitwazzjoni diżastruża tat-toroq f’pajjiżna, t-traffiku ma jispiċċa qatt kif ukoll it-trasport pubbliku,” qal Simon Busuttil.
Hu tkellem dwar il-proposta bla sens tal-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi li jqajjem lit-tfal siegħa qabel, kif ukoll dwar il-fatt li meta sena ilu, il-Kap tal-Oppożizzjoni propona li l-Gvern iħallas għat-trasport tal-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u dawk privati, il-Gvern prova jirredikolah. “Issa, sena wara, waħda mill-proposti tal-Gvern hija dik li għamiltlu sena ilu, u li prova jirredikola,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-kriżi fis-saħħa, u sostna li ma jistax ikun li jkun għad hawn min imut fl-Isptar, u li d-dinjita’ tal-pazjenti tispiċċa f’din is-sitwazzjoni. Filwaqt li sellem lit-tobba, l-infermiera u l-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei li jagħmlu xogħol imprezzabbli, hu sostna li l-problema hija fit-tmexxija, b’Kap Eżekuttiv li sparixxa quddiem kriżi li wasslet lit-tobba biex ikunu close to breaking point, kif ukoll għaliex Konrad Mizzi u Chris Fearne għandhom biss bluff. “Ir-roadmap li Muscat tant tkellem dwarha qabel l-elezzjoni mhux veru kienet teżisti għax sentejn u nofs wara, is-sitwazzjoni hija agħar milli kienet,” qal Simon Busuttil.
Għalfejn Joseph Muscat qed jibqa’ lura mit-talba li għamiltlu biex issir inkjesta pubblika dwar l-iskandlu tal-visa u l-permessi ta’ residenza?
Mistoqsi dwar il-laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurta’ li saret nhar il-Ħamis, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li daħal għal laqgħa b’determinazzjoni li ssir diskussjoni dwar l-iskandlu tal-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut, ħareġ mil-laqgħa b’aktar inkwiet. “Għamiltha ċara lill-Prim Ministru li se nibqa’ ninsisti għal inkjesta indipendenti biex dak li hu ħażin joħroġ fil-pubbliku u jitranġa,” qal Simon Busuttil. L-akbar mistoqsija hija għalfejn Muscat qed jinsisti li ma jagħmilx inkjesta pubblika u indipendenti. “X’għandu x’jaħbi l-Gvern f’dan kollu?” staqsa Simon Busuttil.
Simon Busuttil staqsa wkoll għalfejn kellu jkun hu, bħala Kap tal-Oppożizzjoni, li jitlob li ssir laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurta’, u għalfejn il-Prim Ministru dam tliet ġimgħat biex isejjaħ din il-laqgħa. Hu fakkar li kif ġie żvelat din il-ġimgħa, is-sena li għaddiet biss, il-Gvern ta 14,000 permess ta’ residenza lil barranin li mhumiex residenti fl-Unjoni Ewropea. “Is-sena li għaddiet il-Gvern ta permessi ta’ residenza daqs il-popolazzjoni tal-Mosta, jew daqs kemm ġew immigranti bid-dgħajsa f’Malta fl-aħħar għaxar snin.” Simon Busuttil staqsa kemm minn dawn ingħataw b’mod irregolari. “Il-problema hi li dan kollu rriżulta fi skandlu kbir, tixħim, korruzzjoni u irregolaritajiet fil-mod kif jingħataw dawn il-permessi,” qal Simon Busuttil.
F’dan il-każ, il-korruzzjoni mhix ta’ bniedem wieħed biss, iżda ladarba l-korruzzjoni ssir bil-barka tal-Gvern, il-korruzzjoni ssir waħda istituzzjonalizzata. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li se jibqa’ jinsisti li ssir inkjesta pubblika u indipendenti biex jiġu żvelati d-dettalji kollha b’rabta mal-iskandlu tal-visa u l-permessi ta’ residenza.
Il-Partit Nazzjonalista qed ikun il-vuċi tar-residenti ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi, San Ġiljan, il-Gżira u San Pawl il-Baħar
Quddiem il-mewġa ta’ serq u kriminalita’ fil-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi, San Ġiljan, il-Gżira u San Pawl il-Baħar, il-Partit Nazzjonalista qed juri li hu l-vuċi tar-residenti f’dawn il-lokalitajiet u li qiegħed hemm għalihom. Minn naħa l-oħra, l-Gvern qed jonqos bi kbir, u dan għax filwaqt li qed iberbaq il-flus għal ta’ Cafe’ Premier u Gaffarena, mhux qed jagħti flus lill-Pulizija biex jissaħħu u jżidu r-riżorsi tagħhom. Simon Busuttil sellem u rringrazzja lill-pulizija li jagħmlu xogħlhom b’dedikazzjoni. “Il-problema mhumiex il-pulizija, imma l-indħil politiku u l-għażliet ħżiena ta’ Joseph Muscat,” qal Simon Busuttil. Filfatt, hu semma l-fatt li minn kemm ilu li nbidel il-Gvern, il-Korp tal-Pulizija kellu erba’ Kummissarji, xi ħaġa li qed twassal biex in-nies titlef il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.
Simon Busuttil sellem lis-Sindki tal-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi u San Ġiljan, li grazzi għall-ħidma u l-pressjoni tagħhom, l-issue tas-serq u n-nuqqas ta’ sigurta’ telgħet fuq l-aġenda, u dan peress li r-residenti huma nkwetati. “Is-serq għadu għaddej, u qed isir f’lokalitajiet oħra, fosthom f’San Pawl il-Baħar,” qal Simon Busuttil. Hu rrefera wkoll għal dak li ddeskriva bħala lawlessness, jiġifieri l-kultura li daħħal il-Gvern Laburista li kulħadd jista’ jikser il-liġi qisu xejn mhu xejn, u kulħadd jagħmel li jrid.
Negattiv min jagħmel l-iskandli, mhux min jikxifhom
Mistoqsi dwar l-attakk tal-Prim Ministru fuq l-Oppożizzjoni li kull ġimgħa jiddeskriviha bħala ‘negattiva’, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu negattiv min jagħmel l-iskandli mhux min jikxifhom. Hu rrefera għall-iskandli tal-Australia Hall, Cafe’ Premier u Gaffarena, li kollha saru fil-Ministeru li Joseph Muscat huwa responsabbli għalih. Simon Busuttil sostna li l-fatt li Muscat iħoss li kull darba li jitkellem, irid jirreferi għall-Oppożizzjoni u jattakkaha bħala negattiva, jfisser li l-Oppożizzjoni qed tagħmel xogħlha tajjeb u qed tniggeż lill-Gvern fil-laħam il-ħaj.
Il-Partit Nazzjonalista qed jinbena fuq il-pedamenti ta’ politika onesta u nadifa
“Mill-ewwel ġurnata li fiha bdejt immexxi l-Partit Nazzjonalista, bdejt nitkellem dwar politika onesta u nadifa, u kien għalhekk li ddeċidejt li nibni l-Partit Nazzjonalista fuq il-pedamenti sodi ta’ politika onesta, politika tas-sewwa u politika nadifa, u dan għaliex is-sewwa jirbaħ żgur,” qal Simon Busuttil. Hu sostna li hu kruċjali li l-etika u l-politika jmorru flimkien, għaliex fil-politika, wieħed għandu jagħmel dak li hu sewwa, u mhux kif qed imexxi dan il-Gvern. Sfortunatament, it-tip ta’ politika ta’ Joseph Muscat qed tnawwar il-fiduċja tan-nies fil-politika, u din qed tiġi indirizzata b’politika onesta’ u nadifa tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista jħares lejn il-futur, bl-ambizzjoni li jagħti ħafna aktar lill-poplu Malti u Għawdxi
Fil-bidu tal-intervista, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex bħal lum ġimgħa, jattendu għall-mass meeting tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fid-daħla tal-Belt Valletta, li se jiċċelebra mhux biss il-51 sena ta’ Malta indipendenti, iżda anke 135 sena mit-twaqqif tal-Partit Nazzjonalista. Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista għandu storja twila, glorjuża, u magħġuna mal-istorja tan-nazzjon Malti, u mhux qed iħares lejn il-passat, iżda l-passat qed jimbuttah, jimlieh enerġija u motivazzjoni biex iħares lejn il-futur, biex bħalma l-Partit Nazzjonalista ta ħafna fil-passat, għandu ambizzjoni kbira biex jagħti ħafna fil-futur.
//= $special ?>