Lokali

Konferma oħra li l-iskandlu Joe Sammut inkixef b’kumbinazzjoni

L-iskandlu Joe Sammut inkixef minn individwu personali b’kumbinazzjoni meta mar jilmenta mal-ETC dwar ittri li kien qed jirċievi d-dar tiegħu. Dan ikompli jikkonferma li l-iskandlu Joe Sammut ħareġ fil-beraħ b’kumbinazzjoni grazzi għal individwi personali.

Dan hekk kif fil-gazzetti tal-Ħadd komplew joħorġu aktar dettalji ġodda dwar l-iskandlu Joe Sammut, li qed jiġi investigat fuq frodi, misappropjazzjoni u ħasil ta’ flus wara li ngħataw visas u permessi għal residenza f’Malta b’mod irregolari. Dan permezz ta’ xibka ta’ attivitajiet illegali.

Il-gazzetta Maltatoday żvelat li kien ilment minn ċittadin privat mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ, l-ETC, li wassal biex inkixef b’kumbinazzjoni l-iskandlu ta’ Joe Sammut.

Maltatoday tirrapporta li apparti tlett Libjani li kixfu d-dettalji tal-każ fil-Qorti, kien hemm individwu ieħor li kien irrabbjat peress li beda jirċievi numru kbir ta’ ittri d-dar tiegħu b’ismijiet ta’ persuni Libjani differenti. Kien rapport mal-ETC minn dan l-individwu li wassal biex il-każ kompla jiġi investigat mill-Pulizija u li aktar tard wassal biex l-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut tressaq il-Qorti.

Joe Sammut qed jiġi akkużat li ħoloq kumpaniji fittizji biex Libjani setgħu jingħataw permess ta’ residenza f’Malta.

Intant, fi storja separata fil-ġurnal Maltatoday ġie żvelat li mill-2011 ‘l hawn ingħataw kważi 75,000 visa lil Libjani jew barranin oħra li applikaw għal visa mill-ambaxxata ta’ Malta fil-Libja. Dan hekk kif, skont il-Maltatoday, il-Pulizija wessgħet l-investgiazzjonijiet tagħha b’rabta mal-għoti ta’ visas lil barranin.

Malli faqqgħet il-kriżi tal-Libja fl-2011, kibru l-ammont ta’ talbiet minn ċittadini Libjani biex jingħataw visa sabiex ikunu jistgħu jiġu Malta b’mod legali. Filfatt, fl-2011 kien hemm aktar minn 6,200 talba għal visa, li minnhom ingħataw kważi 5,000. Fl-2012 imbgħad ingħataw ftit aktar minn 14,600 visa.

Iżda l-ammont ta’ visas li ngħataw sploda fl-2013, jiġifieri fl-istess sena li f’pajjiżna kien elett il-Gvern Laburista. Fl-2013 ingħataw total ta’ 37,500 visa.

Ir-rapport fil-ġurnal Maltatoday jirrapporta wkoll li l-uffiċju tal-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut kien fost l-aktar uffiċji li permezz tiegħu saru applikazzjonijiet minn barranin biex jingħataw il-visa. Filfatt, il-Maltatoday tirrapporta li Joe Sammut u wieħed mill-akbar ‘recommenders’ bejn l-2011 u l-2015 – bl-uffiċju tiegħu ikun involut fit-talba ta’ kważi 3,500 visa, li minnhom ingħataw 2,500 visa.