“Sal-aħħar ta’ din is-sena u anki jekk għadna f’nofs il-leġiżlatura se nkunu diġà bdejn noffru l-alternattivi tagħna fuq setturi u oqsma differenti biex in-nies ikunu jafu x’jistennew minn għandna mill-ewwel jum ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan f’intervista ppubblikata fil-gazzetta il-mument, li fiha qal li l-ewwel sett ta’ proposti li se jħabbar se jkunu fuq il-Politika Nadifa u se jagħmel dan għax bħalissa l-akbar problema fil-pajjiż hija li l-Gvern qed jippermetti korruzzjoni istituzzjonalizzata li hija r-riżultat tal-għażliet politiċi tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Simon Busuttil qal li l-elettorat se jkun qed jistenna l-politika l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista f’diversi oqsma kruċjali fejn il-pajjiż qed ikollu l-problemi, bħas-sigurta’ u ħarsien mill-kriminalita’, is-saħħa, it-trasport, l-użu tajjeb u aħjar tas-sorsi ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija u l-impjiegi li jattiraw ħaddiema Maltin. Qal li li fiż-żmien li ġej, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed joffri wkoll l-alternattivi tiegħu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iħabbar aktar kandidati ġodda li se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali f’ismu.
Fl-intervista tkellem ukoll dwar il-politika onesta li trid tkun il-pedament tat-tiġdid tal-partit. B’rabta ma’ dan qal li toħroġ id-differenza bejn il-Gvern Laburista tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Oppożizzjoni, bil-Gvern qed iħalli wisq affarijiet għaddejin. Semma’ l-iskandli tal-Cafe’ Premier, ta’ Strada Zekka, tal-Australia Hall u l-iskandlu ta’ Joe Sammut.
Simon Busuttil irrefera wkoll għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza li se jsiru l-ġimgħa d-dieħla filwaqt li appella lill-pubbliku biex jattendi bi ħġaru għal dawn l-attivitajiet.
Intervista sħiħa fil-gazzetta il-mument.
//= $special ?>